Sport

Oscar Piastri jikseb it-tielet suċċess fil-Grand Prix ta’ Miami

Oscar Piastri kiseb it-tielet suċċess fil-Kampjonat tal-Formula 1 b’wirja mill-aqwa fil-Grand Prix ta’ Miami hekk kif McLaren gawdew minn żewġ rebħiet fuq il-podju biex ikomplu jiddominaw l-istaġun tal-Formula 1.

L-Awstraljan Piastri spiċċa 4.6 sekondi qabel sieħbu fit-tim Britanniku Lando Norris, b’George Russell ta’ Mercedes jispiċċa t-tielet iżda 37.6 sekondi warajh.

Ir-rebħa kienet it-tielet waħda konsekuttiva għal Piastri wara r-rebħiet tiegħu fil-Bahrain u l-Arabja Sawdija u r-raba’ waħda tiegħu fis-sitt tiġrijiet s’issa dan l-istaġun.

B’Norris jegħleb lil Piastri fit-tellieqa sprint ġurnata qabel, McLaren kisbet l-aktar punti possibbli fi tmiem il-ġimgħa u Piastri telaq minn Miami b’vantaġġ ta’ 16-il punt.

Iċ-champion tad-dinja għal erba’ darbiet Max Verstappen, li beda mill-pole position, spiċċa fir-raba’ post b’Alex Albon ta’ Williams fil-ħames post u t-Taljan ta’ 18-il sena ta’ Mercedes Kimi Antonelli fis-sitt post.

Intant wara t-tellieqa bosta ddiskutew l-argument li Lewis Hamilton kellu mat-tim tiegħu stess fejn qal li hu stess għad għandu x-xeqa li jirbaħ. It-tim ta’ Ferrari talab lil Hamilton biex iħalli lil sieħbu Charles Leclerc jaqbżu iżda Hamilton deher li ma obdiex l-ordnijiet mill-ewwel.