Opinjoni

Beijing – Ruma – Valencia – Għawdex

minn Beppe Galea
Segretarju Internazzjonali
u Kandidat PN

Minn Beijing fiċ-Ċina għal Ruma, għal Valencia saPjazza San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex, kull waħda minn dawn l-esperjenzi ġabu magħhom sfida li nemmen bi sħiħ li nistgħu ndawru f’opportunità.
Ċina: Eżempju ta’ viżjoni u innovazzjoni
Iż-żjara uffiċjali li saret fiċ-Ċina bdiet f’Chongqing – megacity bi 32 miljun persuna – fejn flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u d-delegazzjoni mill-Partit Nazzjonalista, attendejna konferenza dwar l-immodernizzazzjoni ta’ din il-belt.
Minn dak li rajna, Chongqing mhux biss hija simbolu ta’ tkabbir urban imma wkoll mudell ta’ governanza intelliġenti, fejn it-teknoloġija tintuża għall-ġid komuni.
Fosthom rajna kif tali teknoloġija fl-immaniġġjar tat-traffiku qed ttaffi u mhux ftit,il-problema tal-konġestjoni fil-belt. Rajna wkoll kif ix-xogħol li qed isir fl-infrastruttura qiegħed jiġi implimentat f’materjal li jħares l-ambjent u li allura jiggarantixxi kwalità tal-ħajja għola lir-residenti.
Mument impressjonanti kien dak tal-ispettaklu b’5,000 drone fuq ix-xmara Yangtze, spettaklu li mhux biss juri l-kapaċità teknoloġika taċ-Ċina, imma wkoll il-potenzjal għal kreattività u armonija bejn it-teknoloġija u l-ambjent naturali. Dan il-mument kien wieħed li ġiegħalni nirrifletti fuq kemm aħna l-Maltin nistgħu nitgħallmu mill-ippjanar fit-tul u l-viżjoni teknoloġika ta’ nazzjon bħal Ċina.
Żorna wkoll is-super factory tal-karozzi elettriċi Seres. Din il-faċilità tkopri 1.2 miljun metru kwadru, u jekk tqabbilha ma’ Malta, tista’ tgħid li fiha spazju daqs seba’ żona industrijali ġewwa x-Xewkija, Għawdex!
Din il-fabbrika timpjega iktar persuni fir-riċerka u l-iżvilupp milli fuq il-linja tal-produzzjoni fejn dan isir permezz ta’ aktar minn 1,000 robot intelliġenti. Eżempju ċar ta’ kif l-innovazzjoni tista’ tkun forza ekonomika u sostenibbli.
Investiment fl-Intelliġenza Artifiċjali li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jinbotta b’saħħa ‘l quddiem fil-viżjoni tiegħu għal Għawdex u Malta ta’ kwalità.Għax nemmnu fil-kapaċitajiet ta’ niesna; kapaċitajiet li jagħmluna poplu preparat li jixpruna l-innovazzjoni fuq livell globali mhux jirreaġġixxi għaliha.
F’Beijing kellna laqgħat uffiċjali ma’ rappreżentanti ewlenin tal-Gvern Ċiniż, fejn Malta ġiet deskritta bħala “l-aktar sieħeb affidabbli u qalbieni fl-Unjoni Ewropea.”
Messaġġ li juri kemm għandna ġieħ u fiduċja internazzjonali, li rridu nkomplu nkabbru. Dawn il-laqgħat juru wkoll kemm hemm potenzjal għal kollaborazzjonijiet fit-tul, fejn Malta tista’ sservi ta’ pjattaforma strateġika bejn l-Ewropa u l-Asja.
Kelli wkoll l-unur li niltaqa’ mal-Ambaxxatur Malti fiċ-Ċina, John Busutti, Xiplomatiku ta’ esperjenza kbira. Tkellimna dwar kif Għawdex jista’ jkun pont għal aktar investiment u kollaborazzjoni fil-qasam kulturali u edukattiv. U ddiskutejna kif id-daqs ta’ Għawdex, minflok nibqgħu narawh bħala limitu u li jillimta, naħdmu biex indawruh f’opportunità; f’vantaġġ.
Bħala ċentru għal proġetti pilota li jipprovdu niċeċ ġodda ta’ investiment. Għal skambji edukattivi. Ubħala attrazzjoni ta’ turiżmu ta’ kwalità, li jippromwovi l-istorja u l-kultura millenarja tal-gżira tagħna u ta’ Malta b’mod ġeneraliġenerali.
U hawn tajjeb li nsemmi li diġà qiegħed isir xogħol siewi immens. Fil-fatt, permezz ta’ inizjattiva edukattiva interessanti ferm, il-kotba ‘Nitgħallem bil-Malti’ tal-lettur Għawdxi Charles Daniel Saliba, ser jinbdew jintużaw mill-Università BFSU fiċ-Ċina.
Pass konkret li juri kemm anke l-ilsien tagħna jista’ jkollu impatt globali. Il-fatt li l-Malti se jiġi mgħallem f’università prestiġjużajġib miegħu mhux biss promozzjoni kulturali imma wkoll rispett internazzjonali lejn l-identità tagħna.

Ruma u Papa Franġisku: Mument ta’ fidi u gratitudni
Mill-kosta tal-Lvant għal dik tal-Punent, it-titjira diretta minn Beijing għal Ruma wasslitnigħal mument storiku u emozzjonanti: l-aħħar vjaġġ ta’ Papa Franġisku mill-Vatikan sal-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore.
Inħossni xxurtjat li kont hemm, fost eluf ta’ nies, inżomm f’qalbi dak il-mument ta’ fidi u rikonoxximent għal ragħaj li mexa mal-poplu, ħabb lill-foqra u biddel id-dinja b’umiltà u mħabba.
Papa Franġisku mhux biss mexxa l-Knisja, iżda mexxa, b’awtorità morali soda, lid-dinja f’mumenti ta’ kriżi u inċertezza. Il-messaġġ tiegħu dejjem kien wieħed ta’ tama, kompassjoni u ġustizzja soċjali. Għal ħafna, inkluż għalija, kien kumpass spiritwali li baqa’ jagħti direzzjoni fi żminijiet diffiċli.

Il-Kungress tal-EPP f’Valencia
Ftit jiem wara, irrappreżentajt lill-Partit Nazzjonalista fil-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew (EPP) f’Valencia, Spanja. Din kienet opportunità importanti oħra biex naraw kemm il-Partit tagħna huwa stmat u rispettat f’dan l-akbar grupp Parlamentari fl-Ewropa.
Il-preżenza ta’ politiċi bħal Roberta Metsola, David Casa u Peter Agius tiggarantixxi dan ir-rispett u tpoġġina fuq quddiem nett fid-diskussjoni Ewropea.
F’Valencia rajt mill-qrib l-impatt li Malta jista’ jkollha meta jkollna rappreżentanza serja u leali. Ir-relazzjonijiet li jinħolqu ma’ partiti oħra mill-Ewropa kollha jistgħu jiġu implimentati f’fondi, fi proġetti u f’leġiżlazzjoni li ttejjeb il-ħajja taċ-ċittadini tagħna.
Fid-diskors tiegħu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar it-tema magħżula għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħaddiem mill-Partit Nazzjonalista: Xogħol. Ħajja. Kwalita. Quddiem il-Mexxejja Ewropej, Bernard Grech spjega l-viżjoni li, bħala Gvern alternattiv, qiegħed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista f’Malta biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies
Il-Partit Nazzjonalista għandu vuċi u ħbiberiji li jistgħu jintużaw għal aktar opportunitajiet f’Malta u f’Għawdex. Huwa f’dawn l-ispazji li jkollna ċ-ċans nagħmlu l-kuntatti u nsawru l-politika li l-ġurnata ta’ għada tmiss lill-familji tagħna.

Pjazza San Ġorġ: Ir-rispett lejn l-ispazj pubbliku
u d-dinjità umana

Lura f’Għawdex, rajna bosta każijiet fejn in-nuqqas ta’ infurzar qed iġib problemi serji. Pjazza San Ġorġ saret simbolu ta’ nuqqas ta’ ordni.
Dan l-ispazju fiċ-ċentru tal-Belt Victoria żviluppa maż-żmien f’ċentru kummerċjali mfittex sewwa mill-komunità, mill-Maltin u mit-turisti. U dan hu pożittiv ħafna, sakemm tali kummerċ ma jsirx piż fuq l-istess spazju u fuq il-komunità li tagħmel parti minnu.
Komunità reliġjuża li tistenna li l-Pjazza sservi għal ħtiġijiet tagħha u tal-parruċċjani tagħha. Kif għandu jkun. Komunità ta’ residenti tal-inħawi li għandu ikollhom is-serħan il-moħħ li jixirqilhom. F’kwalunkwe eventwalità, partikolarment f’każ ta’ emerġenza ta’ saħħa jew ta’ xi periklu li jkollu bżonn intervent ta’ evakwazzjoni.
Xejn straordinarju m’huma jippretendu wieħed jista’ jistqarr! Imma l-avvenimenti ta’ dawn l-aħħar xhur qed jirrakkontaw storja differenti. Fejn l-ordinarju qiegħed isir straordinarju. Fejn l-interessi bażiċi tal-komunità qed jiġu megħluba, b’saħħa, mill-interessi tal-ftit!
Fi Frar, persuna kellha tittieħed sal-ambulanza bi stretcher minn nofs il-pjazza. Dan kollu għaliex l-ambulanza ma setgħetx tidħol minħabba l-imwejjed u s-siġġijiet tal-istabbilimenti li kienu qed joħonqu l-aċċess.
Ftit tal-jiem ilu f’April, rajna staff mediku jneħħi l-imwejjed u s-siġġijiet huma stess. U dan biex ikunu jistgħu jagħtu l-ewwel għajnuna lill-persuna, parruċċan li sofra attakk tal-qalb! Jien u nikteb din is-sentenza sinċerament inħoss l-għaraq ixoqq għalija. Għax fejn tista’ tasal iktar milli tkun taf li l-aġir tiegħek jista’ jwassal għal traġedja u safrattant tibqa’ ma tagħmel xejn dwar dan!
It-tentazzjoni tkun li ndawru subgħajna u nippuntaw lejn is-sidien tal-ħwienet li hemm fiż-żona. U nieqfu hemm! Filwaqt li kulħadd irid jerfa’ r-responsabbilità ta’ għemilu, inkluż mis-sidien tal-ħwienet jabbużaw, tajjeb li nżommu għajnejna fuq il-veru għerq tal-problema.
U dan l-għerq jismu l-Awtorità tal-Artijiet, partikolarment is-sezzjoni tal-infurzar ta’ tali Awtorità. Li apparti li, konvenjentement ngħid jien, m’għandiex uffiċċju f’Għawdex, din, konvenjentement nerġa’ ngħid tagħżel li ma tersaqx lejn il-gżira Għawdxija biex tagħmel xogħolha. Għax, ngħiduha kif inhi, li kieku tagħmel xogħolha, dan id-diskors kollu relatat mal-abbuż fi Pjazza San Ġorġ m’hemmx lok għalih.
Li jwassalni għat-tieni punt li xtaqt insemmi. Marbut mal-famuż masterplan għall-Pjazza! Tul l-aħħar ġimgħat, l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet aktar minn mitt oġġezzjoni kontrieh. Għaliex? Għax dan mhu qed joffri l-ebda soluzzjoni għall-aċċess għal-Pjazza bħal ma mhu qed jipproponi l-ebda tnaqqis mit-teħid ta’ art pubblika. U meta tgħodd ma dan il-fatt li nfurzar ser jibqa’ ma jkunx hemm, ma tridx tkun għaref biex tinduna li l-affarijiet għall-agħar ser imorru.
U allura xogħli, xogħolna jrid ikun li nibqgħu nżommu l-pressjoni tagħna biex jittieħdu dawk id-deċiżjonijiet mill-Gvern li jkunu verament fl-interess tal-komunità; tas-soċjetà; tan-nies!

L-isbaħ emozzjoni: Niltaqa’ man-nies
Fl-aħħar mill-aħħar, l-isbaħ parti ta’ din il-missjoni politika li aċċettajt li nkun parti minnha, hija meta nkun mal-Għawdxin, fid-dar tagħhom u fil-pjazez.
F’dawn l-aħħar sitt xhur, smajt ħafna esperjenza, minn ħaddiema li jaqsmu l-fliegu kuljum, anzjani Għawdxin li jmorru l-Mater Dei għall-kura, u koppji żgħar li qed isibuha diffiċli jrabbu familja f’Għawdex.
Mhux faċli. Imma fi spirtu pożittiv ta’ rieda tajba u ottimiżmu nemmen li l-Partit Nazzjonalista għandu s-soluzzjonijiet. Irridu bidla li ma tibdiex u tispiċċa mill-Partit, imma li tibda u tispiċċa mill-Għawdxin infushom.
Il-bidla se ssir, għax għandna qalb kbira u determinazzjoni. U fuq kollox, għax nemmnu f’Għawdex, u nemmnu f’xulxin. Dan hu l-futur li rridu nibnu – futur imsejjes fuq għaqda, fuq tama u fuq azzjoni konkreta. Għax meta nkunu flimkien, ma hemm xejn li ma nistgħux niksbu.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 4  ta’ Mejju, 2025.