Uffiċjali tal-Ħamas u sorsi oħrajn viċin dan il-grupp Palestinjan terroristiku, fl-aħħar sigħat, sostnew li ‘mhemmx aktar skop’ biex il-grupp ikompli bit-taħditiet ma’ Iżrael rigward waqfien mill-ġlied ieħor fil-Medda ta’ Gaza….Ftehim li jelenka wkoll għall-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani li l-Ħamas ilu jżomm (f’Gaza) għal madwar sena u nofs.
Is-sitwazzjoni f’Gaza, sadanittant, iggravat wara li l-Iżraeljani approvaw ‘offensiva estiża’ fuq Gaza….Ċirkustanzi li kapaċi jwasslu biex l-Iżraeljani jaħtfu t-territorju kollu ta’ Gaza lill-Palestinjani u jżommuh għal żmien indefinittiv.
Il-Ħamas, fl-aħħar sigħat, komplew iwasslu l-messaġġi li mhumiex se jikkunsidraw proposti ġodda dment li Iżrael ikompli bl-assedju fuq il-Palestinjani f’Gaza…Assedju li fi kliemhom jibbaża fuq ‘l-impożizzjoni tal-ġuh fuq poplu sħiħ bħala arma tal-gwerra.’
Iżda l-militar Iżraeljan jinsab determinat biex ikabbar il-kampanja armata fil-konfront tal-Ħamas sakemm jinħelsu l-ostaġġi….Ħsieb ieħor tal-Iżraeljani hu biex huma jeqirdu kull theddida terroristika mill-Ħamas fuq bażi permanenti.
L-Iżraeljani, illum, qed jitkellmu aktar dwar strateġija tal-gwerra li tinvolvi l-ħtif tal-artijiet kollha ta’ Gaza…Xenarju li jinvolvi bilfors ir-rilokazzjoni sfurzata gal-maġġoranza assoluta tal-Palestinjani li qed jgħixu hemmhekk.
Din il-fażi intensiva tal-konflitt mhix se ssir qabel iż-żjara fir-reġjun mill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, u li mistennija sseħħ matul il-ġimgħa d-dieħla,…Sitwazzjoni li, skont l-Iżraeljani, tipprovdi ‘tieqa ta’ opportunità’ lill-Ħamas biex jaqbel mal-ftehim għal waqfien mill-ġlied kif propost minn Iżrael.
Fl-istess ħin, in-Nazzjonijiet Uniti kompliet twissi dwar il-kriżi tal-ikel li l-poplu f’Gaza qed jiffaċċja minn jum għall-ieħor.
Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, António Guterres, wissa li l-eskalazzjoni tal-offensiva min-naħa ta’ Iżrael għandha, inevitabbilment, tirriżulta f’aktar vittmi fost iċ-ċivili Palestinjani, minbarra mewġa ta’ qerda kontinwa tul il-Medda ta’ Gaza.
//= $special ?>