Internazzjonali

Ġermanja: Friedrich Merz ikkonfermat Kanċillier wara t-tieni vot fil-Parlament

Friedrich Merz , il-Kap tal-Partit konservattiv CDU, kiseb maġġoranza ta’ voti fil-Parlament li konfermawh Kanċillier tal-Ġermanja ġdid wara l-mandat tal-eks Kanċillier Olaf Scholz.

Iżda l-proċess żgur li ma kienx nieqes mill-intoppi, b’Merz jaċċerta mit-tragward biss wara tieni tentattiv li jista’ jitqies anki bħala storiku fiċ-ċirkustanzi.

Fil-fatt, fl-ewwel vot tallum, Merz naqas mill-maġġoranza meħtieġa b’sitt voti…Sitwazzjoni li fiha hu sofra daqqa ta’ ħarta sinifikanti f’termini ta’ prestiġju u meta – mit-tmiem tat-Tieni Gwerra ‘il hawn —  ma kien hemm qatt każ fejn Kanċillier elett ma kienx ikkonfermat mal-ewwel vot mid-deputati fil-Bundestag (Parlament).

Il-ballotaġġ fil-Parlament ta’ 630 deputat kien wieħed sigriet u għaldaqstant ma kien hemm l-ebda indikazzjoni dwar l-identitajiet tad-deputati li rrifjutawlu l-appoġġ inizjalment.

B’hekk tibqa’ il-possibbiltà li d-deputati ‘li mhumiex daqstant konvinti minn Merz’ ġejjin mill-Partit Konservattiv CDU, immexxi minnu, inkella mill-Partit SPD taċ-ċentru-xellug li ssieħeb f’koalizzjoni mal-konservattivi biex, flimkien, imexxu lill-Ġermanja matul ix-xhur li ġejjin.

Wara l-ewwel vot kien hemm arja ta’ konfużjoni u inċertezza kbira fil-Bundestag….Sitwazzjoni li damet sakemm il-partiti u l-President tal-Parlament Ġermaniż qablu li jkun hemm tieni votazzjoni…Vot li, imbagħad, intrebaħ minn Merz bi 325 vot – jew maġġoranza ta’ disa’ voti.

Il-koalizzjoni tas-CDU maċ-ċentru-xellug għandha biżżejjed siġġijiet fil-Parlament biex tiggverna l-pajjiż, iżda qed jidher li, fl-ewwel votazzjoni,  astjenew xejn anqas minn 18-il deputat li suppost kellhom jappoġġjaw lil Merz bħala Kanċillier.

Skont il-Kostituzzjoni tal-Ġermanja ma jeżisti l-ebda limitu għall-votazzjonijiet f’ċirkustanzi bħal dawn…Iżda li kieku Merz tilef anki t-tieni vot fil-Bundestag, ir-riperkussjonijiet kienu se jkunu kbar għalih, is-CDU, is-sieħba tal-Partit CSU u s-Soċjali Demokratiċi msieħba fil-koalizzjoni.

Fil-fatt, it-tieni votazzjoni ttieħdet b’urġenza minkejja l-pjani biex il-proċess isir għada, l-Erbgħa…Dan ukoll wara li s-Segretarju Ġenerali tas-CDU, Carsten Linnemann, qal li ‘l-Ewropa teħtieġ Ġermanja b’saħħitha u għaldaqstant, il-konferma tal-Kanċillier, bħala issue, ma setgħetx tibqa’ imdendla għal aktar żmien milli suppost’.