Lokali Qorti

Ġew sparati sitt tiri lejn l-Avukat Carmel Chircop u ntlaqat minn erba’ minnhom

Is-Surġent Jonathan Attard li ħadem mal-Brigadier Maurice Calleja qal li ġew sparati sitt tiri lejn l-Avukat Carmel Chicop li mhux kollha laqtuh. Kienu erba’ tiri li laqtuh u dawn kienu il-fuq mill-qagħad fin-naħa ta’ quddiem u ta’ wara. Dawn ikkawżawlu diversi feriti li wasslu għal mewt tiegħu.

Dr. Carmel Chircop ta’ 51 sena nstab mimdud f’għadira demm wara li ntlaqat minn erba’ tiri f’dahru u f’sidru f’kumpless ta’ garaxxijiet b’ħafna sulari qrib l-iskola primarja ta’ Birkirkara. Huwa kien inqatel f’Ottubru tal-2015.

Huwa nqatel fl-għodwa tat-8 ta’ Ottubru 2015 waqt li kien miexi lejn il-kumpless tal-garaxx ta’ Birkirkara, fejn miet kawża ta’ erba’ tiri f’parti ta’ fuq ta’ ġismu. Huwa nqatel permezz ta’ revolver u nstabu ukoll tiri oħra u f’distanza ta’ madwar żewġ metri.

Dan ħareġ hekk kif fis-sessjoni tat-Tlieta filgħodu is-Surġent Attard li huwa espert ballistiku beda jixhed fuq il-każ tal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop. Dan fil-ġuri ta’ erba’ rġiel akkużati bl-involviment fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-avukat Carmel Chircop, liema ġuri daħal fil-11-il jum tiegħu.

L-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Tal-Maksar, flimkien ma’ Jamie Vella u George qed jiġu valutati minn ġurija ta’ disa’ persuni magħmula minn sitt irġiel u tliet nisa, fi proċess li għandu jisma’ iktar xhieda ta’ profil għoli, inkluż eks ministru.

L-akkużati qed jiffaċċjaw sentenza ta’ għomor il-ħabs jekk jinstabu ħatja. Robert Agius u Vella huma akkużati li allegatament ipprovdew il-bomba użata biex qatlet lil Daphne Caruana Galizia f’Ottubru 2017. Degiorgio, flimkien ma’ ħuh Alfred, diġà qed jiskonta sentenza ta’ 40 sena ħabs wara li ammetta li poġġa l-bomba taħt il-karozza ta’ Caruana Galizia u li attivaha barra d-dar tal-ġurnalista fil-Bidnija.

Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk ta’ Ottubru 2015 fuq l-avukat Carmel Chircop, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio. L-erba’ rġiel kollha jiċħdu l-akkużi.

is-Surġent Jonathan Attard qal li huwa pprepara rapport mal-Brigadier Maurice Calleja, illum mejjet wara li esperti ballistiċi marru fil-garaxx fejn inqatel Chircop. Wara eżamijiet ħareġ li ġew sparati sitt tiri. Waħda laqtet il-bieb tal-garaxx u waħda laqtet karozza Mercedes u li dawn ġew sparati minn barra l-garaxx.

Mal bieba tal-karozza kien hemm toqba li saret minn tir viċin il-bonnet. Il-bieba tal-garaxx kienet kemm xejn miftuħa. Instab ukoll tir taħt il-liċenzja tal-karozza. Ix-xhud qal ukoll li t-team mar fil-kamra mortwarja tal-isptar Mater Dei. L-Avukat kellu tliet feriti b’kollox fuq in-naħa ta’ wara ta’ jdejh u f’dahru. Fil-garaxx instabu xi bullets ma’ l-art.

Ritratti fil-kamra mortwarja

L-Ispettur Paul Camilleri llum rtirat u dak iż-żmien kien Surġent qal li kien nfurmati bil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop u kellu x’jaqsam mal-katavru fejn ħa xi ritratti fil-kamra mortwarja u anke ħa ritratti tal-awtospja. U eleva l-ħwejjeġ tal-vittma u biċċiet mid-dwiefer tiegħu. Il-ġurati ġew murija r-ritratti li ħa x-xhud.

Xehed l-Ispettur Shawn Pawney kien qed jassisti lill-iskwdra tal-omiċidji wara li Vincent Muscat il-Koħħu kien qed jitkellem fuq il-qtil ta’ Carmel Chircop fejn kien qed isir patteġġament fuq il-każ ta’ Daphne Caruana Galizija. Wara kienu assenjat permezz ta’ teams differenti fejn kien implika lill-akkużati fuq il-każ.

Fit-23 ta’ Frar 2021 kienu ltaqgħu Ta’ Kandja fejn ix-xhud qal li kellu team u inħarġu mandati għal Adrian Agius, George Degiorgio flimkien ma’ Jamie Vella u Robert Agius, implikati fuq iż-żewġ każijiet. It-team marru jarrestaw lil dawn il-persuni, imma mhux lil Degiorgio għax dak kien diġa l-ħabs. Għaldaqstant il-Pulizija għamlu tliet teams biex arrestaw it-tliet akkużati.

Ix-xhud qal li trab fin bil-lewn kannella ċar li nstab f’karozza li kien qed juża Adrian Agius, wieħed mill-aħwa ta’ Maksar, irriżulta li kienet taħlita ta’ paracetamol u kaffeina. Tali taħlita tintuża biex titħallat mal-eroina. Minn aktar stħarriġ irriżulta li l-karozza kienet ta’ mara li ma kellhiex x’taqsam mal-każ. Fuq mistoqsija ta’ wieħed mill-ġurati, x-xhud qal li huwa ħadem biss fuq l-arrest ta’ Adrian Agius.

Hawn fuq mistoqsija tad-difiża l-Ispettur Pawney qal li minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li l-karozza kienet fil-fatt irreġistrata fuq Josephine Bugeja, iżda ma kien hemm l-ebda relazzjoni bejn it-tnejn. Jgħid lill-qorti b’oġġetti oħra maqbuda mill-karozza ta’ Agius. Instabu borża sewda b’mowbajl Samsung, €3,000 fi flus kontanti u d-dokumenti personali tal-akkużat.

Surġent tal-pulizija xehed ukoll dwar l-arrest ta’ Adrian Agius, u t-tfittxijiet li saru fuq il-vettura Seat li kien qed juża u r-residenza tiegħu. Qal li Adrian Agius waqt l-arrest kien kalm u ħareġ bil-kwiet mill-karrozza u kkopera bis-sħiħ mal-Pulizija.

L-Ispettur Lydon Zammit qal li hu kien ħareġ mandat ta’ arrest għal Jamie Vella fit-23 ta’ Frar, 2021 meta kien fis-CID (dipartiment tal-investigazzjoni kriminali) fil-każ ta’ qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u anke dwar il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop. Meta mar fis-Swieqi fejn kien joqgħod kif fi żmien il-pandemija tal-Covid.

Saret tfittxija fir-residenza li hija magħmulha minn tliet sulari. Miegħu fir-residenza kien hemm it-tfajla tiegħu u għalhekk ix-xhud qal li kien ordni li t-tfittxija fil-kamra tagħha issir minn Pulizija mara. Fil-basement kien hemm erba’ karozzi li kienu Volvo, Mercedes, BMW u Citroen. Fil-persuni tiegħu kellu 70 ewro u li ma nstab xejn li huwa dubjuż.

Fuq mistoqsija tad-difiża ix-xhud qal li miegħu kienet hemm disa’ membri tal-Korp tal-Pulizija minn sezzjonijiet differenti. Fuq mistoqsija oħra tad-difiża l-Ispettur Zammit qal li hu ma vverifikax lil min kienu jgħajjtu l-erba’ karfozzi.

Wara xehdet l-Ispettur Sherona Buhagiar li qalet li fit-23 ta’ Frar kienet ingħatat struzzjonijiet biex tmur għand Jamie Vella li dak il-ħin kien taħt arrest. Kienet hi li wettqet it-tfittxija li sabet żewġ kaxxi tal-Ipad u Iphone vojta u Iphone Gold, Qalet ukoll li hi ma sabet xejn dubjuż waqt it-tfittxija tagħha.

Xehed ukoll kuntistabbli tal-Pulizija li qal li mat-team li kien qed ifittex fir-residenza ta’ Jamie Vella hu nstabu ħames mobajls fil-kċina, ħamsa oħra kif tidħol fir-residenza fuq xi għamara. Instabu wkoll xi dokumenti fosthom passaporti. Fuq il-persuna tiegħu kellu ċavetta tal-karozza Volvo, l-karozzi l-oħrajn kellhom iċ-ċavetta fl-ignition.

Ix-xhud qal li waqt l-arrest ingħataw id-drittijiet lil Jamie Vella bil-komportament tiegħu jkun fejn qalilna li kellu l-Covid dak il-ħin. Huwa kien ippremtalhom karta li kienet tgħid li kien pożittiv għal Covid. Anke l-kuntistabbli qal li ma kienx jaf li jekk ir-residenza li marru jfittxu fiha kienet ta’ Jamie Vella.

Mistoqsi mid-difiża jekk il-mobajls li nstabu kienu jaħdmu jew imkissrin, ix-xhud qal li huwa ma ċċekkjaħhomx. Wara xehed Surġent tal-Pulizija li kien parti mit-team tal-Ispettur Lydon Zammit li marru jagħmlu t-tfittxija fir-residenza ta’ Jamie Pace.

“Kont qed nitennikhom għax nad li kien hemm min parla” – Jamie Vella

Ix-xhud qal li meta wettqu l-mandati tal-arrest fil-konfront ta’ Jamie Vella, dan il-qalilhom, “kont qed nistennikhom għax naf li kien hemm min ‘pat pat’ (parla). Ix-xhud li fil-kamra tal-bejt instabu xi flus li kien liri sterlini u xi mobajls fil-kċina u fl-entrata.

L-Avukat Amadeus Cachia li qed jidher għal Jamie Vella staqsa lix-xhud għaliex fil-kumpilazzjoni u fin-notamenti tiegħu qatt ma semma’ li Jamie Vella qallu li kien jaf min kien qed iparla. L-Avukat qara lix-xhud x’kien xehed fil-kumpilazzjoni. Ix-xhud ma tagħax spjegazzjoni dwar dan il-fatt.

L-Imħallef Edwina Grima staqsitu jekk kienx ċert li Jamie Vella qallu dan id-diskors. Il-kuntistabbli ikkonferma li iva dak kien li qallu Jamie Vella. Fis-sessjoni ta’ wara nofs inhar xhed l-espert forensiku fl-Università ta’ Malta Godwin Sammut fejn jidħlu drogi.

Huwa kien imqabbad mill-Maġistrat Inkerenti biex jagħmel analiżi fuq sejba ta’ droga. Huwa qal li eżaimina trab abjad li rriżulta li kienet kokaina. Huwa kien ingħata tliet esebita, wieħed kien ta’ kulur kannella ċar li kien jikkonsisti f’assetimina li tkun normalent mal-kafeina u eroina. Dawn is-sustanzi li jiżdiedu mal-eroina mhumiex irregolari.

Id-difiża hawn ikkontestat dak li kien qed jingħad f’dan l-ambitu peress li l-akkużati m’għandhom l-ebda akkużi relatati ma’ droga.

Fis-sessjoni ta’ wara nofs inhar komplew jixhdu iktar Pulizija relatati mal-arrest ta’ Robert Agius. Il-Pulizija kienu waqqfu l-Mercedes ta’ Agius fil-Baħrija. Huwa ġie mwissi hekk kif ħareġ mill-vettura. Agius ingħata wkoll kopja taż-żewġ mandati kontrih. Is-somma ta’ €200 fi flus kontanti nstabet fuq il-persuna tiegħu.

Ix-xhud qal ukoll li diversi telefowns ċellulari u sim cards ġew irkuprati wkoll. Agius kellu madwar 30 ċavetta fuq il-persuna tiegħu. € 49,500 instabu wkoll f’borża tal-karti. Tfittxija fid-dar ta’ Agius irkuprat aktar telefowns ċellulari, €25,180 fi flus kontanti, armi u munizzjon. Instabu wkoll ammont ta’ bullets.

L-uffiċjal jgħid li ġew irkuprati wkoll Hard Disks Esterni u memory card. Robert Agius wara ġie skortat lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija dakinhar stess. Fil-garaxx tiegħu nstabu Audi, tnejn Mercedes, Mitsubishi, mutur Honda iswed, mutur Yamaha wkoll iswed u mutur Honda blue. Dawn il-vetturi ġew issiġġilati iżda kellhom ordni biex l-Audi ma tiġix siġġillata.

Pistola li kienet ta’ mart Robert Agius misjuba f’safe

Xhud ieħor ikkonferma li nstabet arma f’safe fir-residenza ta’ Robert Agius. L-avukat tad-difiża Rene Darmanin staqsa lix-xhud jekk kienx jaf li l-arma kienet irreġistrata f’isem mart Agius, Denise Agius. “Tista’ tikkonferma li l-armi ma kinux irreġistrati b’mod irregolari jew illegalment?”

“Ma nistax nikkonferma, ma ċċekkjajtx”, wieġeb ix-xhud. L-ispettur Antoine Fenech, li kien involut ukoll fl-arrest ta’ Jamie Vella, kien ix-xhud li jmiss li tela’ fuq il-pedana tax-xhieda. Huwa jsemmi l-ismijiet tal-uffiċjali tal-pulizija li kienu parti mit-tim tiegħu – kollha mit-Taqsima tar-Reati Maġġuri. Ritratti tar-residenza u l-oġġetti li ġew elevati qed jintwerew lill-ġurati fuq il-monitor fl-awla tal-qorti.

L-ispettur tal-pulizija Antoine Fenech, li kien involut ukoll fl-arrest ta’ Jamie Vella, jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda bħala l-aħħar xhud. Huwa semma l-ismijiet tal-uffiċjali tal-pulizija li kienu parti mit-tim tiegħu, kollha mit-Taqsima tar-Reati Maġġuri. Ritratti tar-residenza u l-oġġetti li ġew elevati ntwerew lill-ġurati fuq il-monitor fl-awla tal-qorti. Il-ġuri jkompli l-Erbgħa filgħodu.

L-Imħallef Edwina Grima qed tippresiedi l-ġuri. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella. Jamie Vella qed jiġi assistit mill-avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia. Robert Agius qed jiġi assistit mill-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin. Adrian Agius qed jiġi rappreżentat mill-avukat Nicholas Mifsud. George Degiorgio qed jiġi assistit mill-avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri.

Il-familja Caruana Galizia hija rappreżentata mill-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia. Il-familja Chircop hija rappreżentata mill-avukat Vincent Galea.