Internazzjonali Knisja

Għajnejn id-dinja fuq il-Konklavi li se jeleġġi Papa ġdid

Għal dawn il-jiem li ġejjin għajnejn id-dinja żgur li se tkun fuq il-Vatikan hekk kif matul il-jum tal-Erbgħa se jingħata bidu għall-konklavi li se jiddetermina min se jkun il-Kap il-ġdid tal-Knisja Kattolika.

Fil-Kappella Sistina u madwar il-Bażilika ta’ San Pietru għaddejjin l-aħħar preparamenti sabiex jaċċertaw sigurtà massima f’dan il-proċess sigriet li jwassal għall-elezzjoni ta’ Papa ġdid. Infatti matul il-konklavi l-Kardinali jkunu msakkrin fil-Kappella Sistina bit-twieqi jkunu mblukkati sabiex ħadd minn barra ma jara dan il-proċess.

Apparti minn hekk, fil-Kappella diġà saru numru ta’ tfittxijiet sabiex jaċċertaw li m’hemmx kameras u microphones moħbija; u ġew imblukkati n-networks tal-mobiles. Dawn il-passi kollha jittieħdu sabiex l-ebda informazzjoni ma toħroġ mill-Kappella.

Matul il-Konklavi, malli l-Kardinali jivvutaw, il-vot tagħhom jinħaraq. Imbagħad l-attenzjoni ddur fuq iċ-ċumnija għad-daħna li se tindika jekk intgħażilx il-Papa l-ġdid.

Dan id-duħħan huwa mument mill-aktar sinifikanti għaliex ikun qed jintbagħat messaġġ ċar dwar ir-riżultat tal-elezzjoni. Mument li jkunu qed jarawh miljuni ta’ persuni madwar id-dinja kollha.

Interessanti l-fatt li l-proċess tad-duħħan huwa wieħed ferm kumplikat hekk kif l-ewwel ġiet installata ċ-ċumnija filwaqt li saru numru ta’ provi sabiex jaċċertaw li ċ-ċumnija qed tiffunzjona kif suppost. Dan apparti li jkun hemm numru ta’ pumpieri fiz-zona f’każ ta’ emerġenza.

U llum il-ġurnata minkejja l-avvanzi kollha li saru fit-teknoloġija, il-Vatikan għażel li jippreserva din it-tradizzjoni.

Matul l-aħħar snin, apparti d-duħħan abjad saru jindaqqu wkoll il-qniepen; xi ħaġa li bdiet issir minn meta ġie elett il-Papa Benedittu XVI.

Il-Kardinal li jiġi elett se jiddetermina l-futur tal-Knisja Kattolika għas-snin li ġejjin fejn jieħu deċiżjonijiet li jaffettaw miljuni ta’ persuni – għażla li hija f’idejn 133 kardinal. Huma se jkunu qed jiddeterminaw jekk il-Papa li jmiss hux se jkun Papa tan-nies, progressiv jew konservattiv. U fost dawn, hemm ukoll il-Kardinal Mario Grech – għalkemm sa issa, il-ġurnali Taljani qed jinsistu li l-kardinali għadhom fid-dlam dwar id-direzzjoni li se jieħdu.

Il-kardinal Grech għadu jissemma’ fost il-favoriti li jiġi elett bħala Papa. Apparti minn hekk, hemm ukoll Luis Antonio Tagle, Pietro Parolin, Matteo Zuppi u Pierbattista Pizzabella.

B’din l-għażla tal-konklavi, id-dinja se jkollha l-267 Papa – li mbagħad jagħżel l-isem li jixtieq li jkun magħruf bih.