Lokali

GIPSY KINGS by Diego Baliardo nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Lulju fl-Għaxaq Music Festival

Għaxaq Music Festival 2025 se jkompli jkabbar isem Hal Għaxaq fuq il-mappa mużikali dinjija.

Wara r-rivelazzjoni ta’ Zucchero bħala l-headliner tal-ewwel ġurnata tal-festival, wasal il-mument li jitħabbar l-headliner tat-tieni ġurnata, il-Ġimgħa, 18 ta’ Lulju 2025; GIPSY KINGS by Diego Baliardo isem sinonimu ma’ passjoni, ritmu u wirt mużikali Latino.

B’aktar minn 20 miljun album mibjugħ, diversi ċertifikazzjonijiet Platinum u premju GRAMMY għall-Aħjar Album tal-Mużika Dinjija, il-Gipsy Kings huma ikoni mużikali. Il-mużika tagħhom hija taħlita vibranti ta’ flamenco, rumba, salsa u pop.

Matul il-karriera tagħhom, il-Gipsy Kings ikollaboraw ma’ artisti u gruppi magħrufa mad-dinja kollha u daqqew f’xi wħud mill-iktar venues prestiġjużi fid-dinja – Red Rocks (Colorado), Stade de France (Pariġi), Royal Albert Hall (Londra), u Carnegie Hall (New York).

Il-“Back to the Origins” Tour 2025 ser ikun qed jieħu l-Gipsy Kings madwar l-Ewropa kollha u l-Amerika, u ser ikun ċelebrazzjoni ta’ wirt ta’ aktar minn 40 sena ta’ mużika li għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra.

Din se tkun lejla spettakolari mimlija mużika u rima, b’xi wħud mill-akbar suċċessi, fosthom “Bamboleo,” “Djobi Djoba,” “Volare,” “A Mi Manera u Hotel California.”

Bħal kull sena, dan il-festival ser jerga’ jservi ta’ għajnuna soċjali: se jmur ammont minn kull biljett mibjugħ b’donazzjoni lill-Embrace Diversity Organization, organizzazzjoni li tgħin lit-tfal u ż-żgħażagħ b’diżabbiltà. Sal-lum, il-festival ġabar aktar minn €200,000 għal skopijiet filantropiċi.

Il-biljetti għal dan l-avveniment huma uffiċjalment għall-bejgħ fuq www.showshappening.com. Tfal taħt it-12-il sena jistgħu jattendu b’xejn jekk ikunu akkumpanjati minn adult, ħlief fis-sezzjoni bilqiegħda fejn ikun meħtieġ biljett.

L-Għaxaq Music Festival qed jiġi organizzat mil-Għaqda Muzikali Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq, taħt il-patroċinju ewlieni tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, il-Ministeru tal-Kultura, Festivals Malta u Rock n’ Malta.