Kummerċ Lokali

Il-BOV jospita l-Kunsill Konsultattiv tal-Ġenerazzjonijiet Futuri tal-MESGA 

Il-Bank of Valletta laqa’ reċentement il-Kunsill Konsultattiv tal-Ġenerazzjonijiet Futuri tal-Alleanza ESG ta’ Malta (MESGA), delegazzjoni ta’ studenti minn skejjel tal-gvern, tal-knisja, u indipendenti. Dan il-kunsill għandu l-għan li joħloq pjattaforma fejn l-istudenti u l-mexxejja tan-negozju jistgħu jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet sinifikanti dwar suġġetti ESG (Ambjentali, Soċjali, u Governanza), u jikkontestaw il-prattiċi attwali f’oqsma bħall-enerġija rinnovabbli, l-ekonomija ċirkolari, is-saħħa mentali, u l-iżvilupp sostenibbli. 

Bħala wieħed mit-13-il membru fundaturi tal-MESGA, il-Bank of Valletta huwa impenjat li jippromwovi kollaborazzjoni fost in-negozji Maltin biex imexxu l-għanijiet nazzjonali tal-ESG u jaġixxu bħala katalisti għal bidla pożittiva. 

Il-Kunsill iddiskuta fil-fond suġġetti bħall-carbon footprint tal-Bank u l-isforzi tiegħu biex inaqqasha, l-użu tal-flus kontanti u taċ-ċekkijiet, is-self sostenibbli, l-ugwaljanza bejn is-sessi fost l-impjegati u involviment fil-komunità fost oħrajn. Huma sfidaw il-prattiki attwali u ssuġġerew soluzzjonijiet ta’ mitigazzjoni f’diskussjoni impenjattiva b’mod informali. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Kenneth Farrugia u l-COO Ernest Agius laqgħu lill-Kunsill fl-Uffiċċju Prinċipali tal-Bank f’Santa Venera. Id-diskussjonijiet iffokaw fuq ir-rwol ta’ Malta fl-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs) u pprovdew opportunità għall-ġenerazzjoni żagħżugħa biex tesprimi l-perspettivi tagħha dwar il-ħolqien ta’ futur sostenibbli u prosperu. 

Bank of Valletta jibqa’ ddedikat biex imexxi b’eżempju fl-arena ESG, kontinwament ifittex li jintegra prattiċi sostenibbli fl-operazzjonijiet tiegħu u jinkoraġġixxi negozji oħra biex jagħmlu l-istess. Il-bank jistenna bil-ħerqa li jkompli jikkollabora mal-Kunsill Konsultattiv tal-Ġenerazzjonijiet Futuri tal-MESGA u partijiet interessati oħra biex jibni futur aktar sostenibbli u reżiljenti għal Malta.