Lokali

“Il-Gvern għandu jkun trasparenti dwar ir-rinnovazzjoni tal-Iskola Primarja ta’ Birkirkara” – il-PN

Il-Ministru għall-Edukazzjoni skomdu jwieġeb Mistoqsijiet Parlamentari dwar it-tenders għal dan il-proġett, meta se jibda x-xogħol u kemm mistenni jdum; l-għalliema, l-edukaturi u l-ġenituri preokkupati

Fi stqarrija minn Justin Schembri, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’, flimkien mal-Partit Nazzjonalista innotaw kif il-Ministru għall-Edukazzjoni jibqa’ skomdu jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari tal-Oppożizzjoni dwar ir-rinnovazzjoni tal-Iskola Primarja ta’ Birkirkara.

L-Oppożizzjoni tistenna li l-Ministru tal-Edukazzjoni jagħti d-dettalji kollha dwar dan il-proġett, jiġifieri jispjega b’mod preċiż meta se jinbeda x-xogħol, kemm mistenni li jdum u jekk il-Gvern applikax għall-permessi meħtieġa mal-awtoritajiet lokali. Il-Gvern għandu jagħti wkoll rendikont dwar il-proċess tat-tenders u f’liema stadju jinsab dan il-proċess.

Waqt li l-Partit Nazzjonalista jinkoraġġixxi kull tip ta’ investiment infrastrutturali fl-iskejjel lokali, inkluż ir-rinnovazzjoni fl-iskola Primarja ta’ Birkirkara, jirrimarka li f’kull okkażjoni li fiha skola tgħaddi minn rinnovazzjoni maġġuri, il-Gvern huwa fl-obbligu li jipprovdi d-dettall kollu biex il-proġett isir mingħajr dewmien inkluż anke l-allokazzjoni finanzjarja.

Dan aktar u aktar għax il-Gvern ma għandux track record tajjeb wisq li jżomm mad-dati stipulati u mal-budget allokat għal kull proġett infrastrutturali li jsir fl-iskejjel.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jifhem il-preokupazzjoni tal-għalliema, tal-edukaturi u tal-ġenituri li se jkunu milquta direttament sakemm jitlesta l-proġett.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna wkoll assigurazzjoni mill-Ministeru tal-Edukazzjoni li qegħdin ikunu kkunsidrati l-aspetti loġistiċi kollha inklużi dawk relatati mad-distanza, mas-servizzi ta’ qabel u wara l-ħin tal-iskola, mas-servizzi offruti fil-perjodu tas-sajf u oħrajn relatati mal-mobbiltà tal-għalliema tal-Kulleġġ li jridu jagħtu servizz lill-istess skola imma f’binjiet separati. 

Nistennew ukoll li l-Gvern jipprovdi s-serħan tal-moħħ lill-għalliema u lill-ġenituri li l-ambjent skolastiku temporanju li se jkunu qed joperaw minnu sakemm isir ix-xogħol ta’ rinnovazzjoni huwa adegwat biex tkun tista’ tiġi pprovduta edukazzjoni olistika li tikkunsidra l-benesseri tal-individwu imma wkoll il-bżonnijiet tat-tagħlim kurrikulari mistenni, anke jekk għal perjodu suppost qasir sakemm isiru x-xogħlijiet.

Kull investiment fl-iskejjel tagħna biex ikunu mmodernizzati jimxi mal-viżjoni tal-Gvernijiet Nazzjonalisti tal-passat li mmodernizzaw u bnew numru kbir ta’ skejjel ġodda biex jaqdu l-bżonnijiet tal-lum, u mal-viżjoni tal-PN bħala gvern alternattiv fil-qasam tal-edukazzjoni.