minn Frank Zammit
Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede
Matul is-seklu għoxrin u l-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin, il-Knisja Kattolika għaddiet minn żminijiet ta’ bidla, kriżijiet u tiġdid. Wieħed mill-mumenti l-aktar sinifikanti f’dan il-vjaġġ storiku kien il-konklavi papali – proċess misterjuż u solenni li fih jintgħażel il-mexxej spiritwali tal-Knisja universali.
Bejn l-1903 u l-2013, ġew eletti diversi papiet li kull wieħed minnhom ġab miegħu viżjoni distinta u approċċ uniku għat-tmexxija. Dan il-perjodu jinkludi mhux biss ismijiet magħrufa bħall-Papa Ġwanni XXIII u Ġwanni Pawlu II, iżda wkoll mumenti ta’ tensjoni politika, influwenza sekulari u bidliet kbar fil-ġerarkija ekkleżjastika. Kitbieti se tħares lejn l-iżviluppi prinċipali ta’ dawn il-konklavi, tiddiskuti s-sensiela ta’ sfidi u ċirkostanzi li għamlu kull waħda unika, u tistħarreġ kif il-Knisja adattat għall-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tad-dinja.
Il-konklavi tal-1903
Il-konklavi tal-1903 jibqa’ wieħed mill-aktar avvenimenti kontroversjali fl-istorja moderna tal-Knisja Kattolika minħabba l-użu tal-jus exclusivae, jew id-dritt ta’ veto, minn imperaturi Kattoliċi Ewropej.
F’dan il-każ partikolari, kien l-Imperatur Awstrijak Franz Joseph li uża dan id-dritt permezz tal-Kardinal Jan Puzyna de Kosielsko biex jimblokka l-elezzjoni tal-Kardinal Segretar-ju tal-Istat Mariano Rampolla, li kien meqjus bħala l-favorit u suċċessur naturali tal-Papa Ljun XIII.
L-argumenti kontra Ram-polla kienu bażati fuq raġunijiet politiċi u ideoloġiċi, fosthom il-perċezzjoni li kien simpatetiku lejn movimenti modernisti u li kellu pożizzjonijiet li ma kinux favur l-Imperu Awstrijak. L-użu tal-veto qajjem reazzjoni negattiva fost ħafna kardinali u wassal sabiex il-Konklavi jivvota fl-aħħar lill-Kardinal Giuseppe Sarto, li sar Papa Piju X. Xhur biss wara l-elezzjoni tiegħu, Piju X iddikjara permezz tal-kostituzzjoni appostolika “Commissum Nobis” li dan id-dritt ma kellux aktar jintuża fil-konklavi futuri, u b’hekk temm b’mod uffiċjali prattika li kienet ilha tintuża għal sekli. Din l-intervent storiku juri kemm l-elezzjoni papali, għalkemm proċess spiritwali, kienet (u xi drabi għadha) suġġetta għal pressjonijiet politiċi esterni.

Konklavi fi klima ta’ tensjoni
Il-konklavi tal-1914 u tal-1923 seħħew f’kuntest storiku ta’ instabbiltà globali u tensjonijiet fil-Knisja Kattolika. Fl-1914, il-konklavi ġie ċċelebrat ftit wara l-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija, f’atmosfera ta’ inċertezza u tensjoni bejn nazzjonijiet rappreżentati fil-Kulleġġ tal-Kardinali. Il-mewt ta’ Papa Piju X fetħet il-bieb għall-elezzjoni ta’ Papa Benedittu XV, li ġie meqjus bħala figura ta’ kompromess, magħżul għall-kwalitajiet diplomatċi tiegħu u l-viżjoni tiegħu ta’ paċi. Huwa beda jaħdem sabiex iżomm lill-Knisja newtrali fil-kunflitt u pprova jippromwovi t-tisħiħ tad-dinjità umana fi żmien ta’ distruzzjoni. Disa’ snin wara, fl-1923, il-Knisja reġgħet għaddiet minn konklavi wara l-mewt ta’ Benedittu XV, b’din id-darba l-elezzjoni ssir f’ambjent ta’ wara l-gwerra, mimli bil-konsegwenzi politiċi u soċjali tagħha.
Il-Kardinal Achille Ratti, li sar Papa Piju XI, kien elett wara diskussjonijiet dwar kif il-Knisja kellha tkompli tirrispondi għat-theddid tal-komuniżmu, il-lajċiżmu u l-isfidi tal-modernità. Dawn iż-żewġ konklavi juru kif il-Knisja kienet kontinwament qed tfittex bilanċ bejn il-ħtieġa ta’ tmexxija spiritwali u r-realtajiet storiko-politiċi li kienu jduru magħha.
Il-konklavi tal-1939 u tal-1958 saru fi żminijiet kritiċi għall-istorja dinjija u għall-Knisja Kattolika, u t-tnejn kienu riflessjoni taċ-ċirkostanzi storici li kienu qed isawru d-dinja. Fl-1939, il-konklavi saret ftit xhur qabel il-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, wara l-mewt ta’ Papa Piju XI. Il-Kardinali eletturi għażlu lill-Kardinal Eugenio Pacelli bħala Papa Piju XII, figura li diġà kellha esperjenza diplomatika vasta bħala Segretarju tal-Istat u Nunzju Appostoliku fil-Ġermanja.
L-għażla tiegħu kienet motivata mill-ħtieġa ta’ tmexxija stabbli u b’għarfien internazzjonali fil-kuntest ta’ kunflitt li kien jipprometti li jkun devastanti. Piju XII kellu rwol kontroversjali matul il-gwerra, partikolarment fir-rigward tal-politika tiegħu ta’ newtralità u l-mod kif indirizza l-Olokawst.
Il-Papa Piju XII ħalla impatt sinifikanti fuq il-proċess tal-konklavi permezz tar-riformi li wettaq bl-istudju u l-pubblikazzjoni tal-kostituzzjoni Vacantis Apostolicae Sedis fl-1945. Din il-kostituzzjoni appostatika kellha l-għan li tirregola b’mod aktar ċar u preċiż il-proċeduri li għandhom isegwu l-Kardinali waqt sede vacante, jiġifieri l-perjodu bejn il-mewt ta’ Papa u l-elezzjoni tas-suċċessur tiegħu.
Fost ir-riformi ewlenin, Piju XII pprojbixxa kull forma ta’ intervent estern fil-konklavi, inkluż it-tentattiv ta’ veto minn potenzi barranin – prattika li kienet tħalliet bħala tradizzjoni imma mhux ċarament ipprojbita qabel. Barra minn hekk, il-kostituzzjoni kienet tindika b’mod strett ir-regoli dwar l-iżolament tal-Kardinali, l-użu tal-votazzjoni sigrieta, u l-proċeduri f’każ li ma tintlaħaqx maġġoranza kwalifikata. Dan id-dokument kien pass importanti lejn it-tisħiħ tal-awtonomija tal-Knisja fl-għażla tal-Papa u riflessjoni tal-viżjoni ta’ Piju XII għal proċess aktar pur, spiritwali u protett mill-influwenzi politiċi jew personali. Il-kostituzzjoni tiegħu baqgħet tistabbilixxi l-qafas għal konklavi għal għexieren ta’ snin sakemm ġiet sostitwita minn dokumenti aktar riċenti, iżda baqgħet tissimbolizza mument importanti ta’ riforma istituzzjonali fil-Knisja.
Ġwanni XXIII
Fl-1958, wara snin twal ta’ pontifikat, miet Piju XII u l-Kulleġġ tal-Kardinali għażel lill-Kardinal Angelo Roncalli bħala Papa Ġwanni XXIII. Din l-elezzjoni kienet sorpriża għal ħafna, iżda saret fid-dawl tal-bżonn għal Papa pastorali, uman u li seta’ jġib rinnovament spiritwali wara snin ta’ tmexxija aktar formali u diplomatika.
Il-konklavi ta’ Ġwanni XXIII kienet it-tluq ta’ fażi ġdida fil-Knisja li eventwalment wasslet għall-Konċilju Vatikan II, li biddel profondament il-ħajja ekkleżjastika u r-relazzjoni tal-Knisja mad-dinja moderna.
Il-konklavi tal-1963 seħħ wara l-mewt ta’ Papa Ġwanni XXIII, li kien fetaħ triq ġdida għall-Knisja permezz tal-Konċilju Vatikan II. Il-Kardinali kienu ffaċċjati b’deċiżjoni kruċjali: jagħżlu bejn kontinwità u tibdil. L-elezzjoni tal-Kardinal Giovanni Battista Montini bħala Papa Pawlu VI kienet interpretata bħala għażla ta’ bilanċ – figura li kienet impenjata li tkompli r-riformi tal-Konċilju, iżda wkoll li żżomm ċerta stabbiltà teoloġika u amministrattiva. Wara l-elezzjoni tiegħu, Pawlu VI daħal għal sensiela ta’ riformi istituzzjonali, inklużi dawk relatati mal-proċess tal-konklavi.
Fl-1970, huwa ppubblika Ingravescentem Aetatem, li eskluda lill-kardinali li jkunu għamlu 80 sena milli jipparteċipaw fil-votazzjoni għal Papa ġdid – aċċenn sinifikanti għall-ħtieġa ta’ tmexxija b’enerġija ġdida u riflessjoni fuq ir-responsabbiltajiet tal-età. Barra minn hekk, fil-kostituzzjoni Romano Pontifici Eligendo tal-1975, Pawlu VI ħareġ linji gwida dettaljati dwar kif għandhom jitmexxew il-konklavi, inkluża l-istruttura loġistika, il-proċeduri ta’ sigurtà, u l-protezzjoni tas-segretezza assoluta.
Dawn il-miżuri kienu maħsuba biex jiggarantixxu proċess aktar spiritwali u inqas influwenzat minn pressjonijiet esterni jew kompromessi politiċi. B’hekk, Pawlu VI stabbilixxa pedamenti amministrattivi li se jinfluwenzaw il-konklavi għal bosta snin wara.
Żewġ konklavi f’seba’ ġimgħat
L-1978 kienet sena bla preċedent fl-istorja reċenti tal-Knisja Kattolika, meta seħħew żewġ konklavi f’temp ta’ seba’ gimgħat – fenomenu rari li jixhed kemm il-Knisja kienet f’mument kritiku ta’ tranżizzjoni. L-ewwel konklavi seħħ f’Awwissu wara l-mewt ta’ Papa Pawlu VI, li kien mexxa lill-Knisja tul perjodu ta’ riformi teoloġiċi u sfidi soċjali. Il-Kardinali eletturi għażlu lill-Kardinal Albino Luciani bħala Papa Ġwanni Pawlu I, figura magħrufa għall-umiltà u l-umanità tiegħu. Madankollu, il-mewt tiegħu 33 jum biss wara l-elezzjoni ħasdet lid-dinja u ħolqot klima ta’ inċertezza.
Fit-tieni konklavi, f’Ottubru, il-Kardinali kellhom jerġgħu jiltaqgħu, u din id-darba għażlu lill-Arcisqof ta’ Krakovja l-Kardinal Karol Wojtyła, li sar Papa Ġwanni Pawlu II – l-ewwel Papa mhux Taljan f’aktar minn 450 sena. L-elezzjoni tiegħu kienet mument ta’ bidla storika, partikolarment fid-dawl tal-fatt li kien ġej mill-Polonja, pajjiż taħt il-komuniżmu, u kellu esperjenza personali tal-persekuzzjoni reliġjuża u politika.
Ġwanni Pawlu II kien figura ċentrali fit-tiġdid spiritwali tal-Knisja u se kellu rwol importanti fil-politika dinjija, b’mod speċjali fil-kuntest tal-Gwerra l-Bierda. Iż-żewġ konklavi tal-1978, għaldaqstant, ma kinux biss passaġġi istituzzjonali, iżda wkoll punt ta’ bidla profonda fil-mod kif il-Knisja kienet qed tifhem lilha nnifisha u r-rwol tagħha fid-dinja.
Il-kontribuzzjoni ta’ Papa Ġwanni Pawlu II għar-regolamentazzjoni tal-konklavi kienet fundamentali biex tiġi adattata l-elezzjoni papali għall-kuntest kontemporanju, filwaqt li żamm is-sens ta’ solennità u dixxerniment spiritwali li jikkaratterizzaw dan il-proċess. Fl-1996, huwa ppubblika l-kostituzzjoni appostolika Universi Dominici Gregis, li ssostitwiet ir-regolamenti ta’ Papa Pawlu VI u stabbilixxiet b’mod dettaljat il-proċeduri kollha marbuta mas-sede vacante u l-għażla ta’ Papa ġdid. Fost l-aktar elementi innovattivi, Ġwanni Pawlu II żamm il-limitu tal-età ta’ 80 sena għall-votazzjoni, iżda introduċa wkoll dispożizzjoni li, jekk wara diversi rawnds ta’ votazzjoni ma jintlaħaqx maġġoranza ta’ żewġ terzi, il-Kardinali jistgħu jaqgħu f’deċiżjoni b’maġġoranza sempliċi.
Din il-miżura kienet kontroversjali, għax setgħet tipper-metti elezzjoni b’saħħa ta’ kompromess aktar milli ta’ kunsens wiesa’. Barra minn hekk, il-kostituzzjoni tistabbilixxi b’mod ċar ir-regoli dwar l-iżolament assolut tal-Kardinali, il-konfidenzjalità tal-votazzjoni u l-penalitajiet serji għal min jikser dawn ir-regoli. B’din il-kostituzzjoni, Ġwanni Pawlu II ħaseb biex iżid l-ordni u l-ġustizzja fil-proċess elettorali, filwaqt li jiżgura li l-għażla tal-Papa tkun frott ta’ riflessjoni u talb, mhux ta’ kalkolu politiku jew pressjoni esterna.

Mumenti kruċjali fil-Knisja Kattolika
Il-konklavi tal-2005 u tal-2013 jirrappreżentaw żewġ mumenti kruċjali fil-Knisja Kattolika tal-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin, li fiċ-ċentru tagħhom kien hemm il-ħtieġa li l-Knisja tirrispondi għal sfidi ġodda globali. Fl-2005, wara l-mewt ta’ Papa Ġwanni Pawlu II – wieħed mill-aktar papiet influwenti u karizmatiċi tas-seklu għoxrin – il-Kardinali eletturi għażlu lill-Kardinal Joseph Ratzinger bħala Papa Benedittu XVI.
Din l-għażla kienet rifless tal-ħtieġa għal kontinwità teoloġika u dottrinali, peress li Ratzinger kien wieħed mill- kollaboraturi l-aktar viċin ta’ Ġwanni Pawlu II u kien magħruf għall-pożizzjonijiet konservattivi tiegħu.
Madankollu, fl-2013, wara li Benedittu XVI sar l-ewwel Papa f’aktar minn sitt sekli li rriżenja mil-pontifikat, il-Knisja ħadet direzzjoni diffe-renti bl-elezzjoni tal-Kardinal Jorge Mario Bergoglio, li sar Papa Franġisku. Din l-elezzjoni kienet sinjal ċar ta’ rieda għal tiġdid spiritwali, pastorali u istituzzjonali. Bħala l-ewwel Papa mill-Amerika Latina u l-ewwel Ġiżwita li sar Papa, Franġisku saħaq fuq temi bħall-faqar, il-ġustizzja soċjali u s-sempliċità fil-ħajja tal-Knisja. Iż-żewġ konklavi jirriflettu kif il-Knisja Kattolika, waqt li tibqa’ marbuta mat-tradizzjoni, qed tfittex ukoll li tindirizza l-ħtiġijiet u l-aspettattivi ta’ dinja li qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel.
Matul il-perjodu bejn l-1903 u l-2013, il-konklavi papali kienu mhux biss mumenti ta’ għażla spiritwali iżda wkoll riflessjoni ċara tal-kuntest storiku, politiku u ekkleżjali li fih kienet tinsab il-Knisja. Minn interventi diretti minn potenzi sekulari, bħall-veto tal-1903, sa riformi moderni bħall-esklużjoni ta’ kardinali anzjani u l-iżvilupp ta’ regoli stretti għall-iżolament u s-segretezza, il-proċess tal-elezzjoni papali evolvew b’mod sinifikanti.
Il-Knisja għarfet il-bżonn li tirrispetta l-ħtieġa għall-awtonomija u d-dixxerniment spiritwali, waqt li tirrispondi għar-realtajiet li qed jinbidlu kontinwament fid-dinja ta’ madwarha. Il-konklavi tal-2005 u l-2013 partikolarment juru dan il-bilanċ bejn kontinwità u bidla, hekk kif il-Kardinali ppruvaw jifhmu x’tip ta’ tmexxija kienet meħtieġa f’mumenti differenti tal-istorja reċenti tal-Knisja. Il-passaġġ minn papiet b’viżjoni teoloġika konservattiva għal approċċ aktar pastorali u inklussiv jixhed kemm il-konklavi huma att ta’ dixxerniment li jifforma l-futur tal-Knisja u r-relazzjoni tagħha mad-dinja.
B’hekk, l-istorja tal-konklavi bejn l-1903 u l-2013 mhijiex biss kronaka ta’ elezzjonijiet papali, iżda narrattiva rikka ta’ kif il-Knisja Kattolika fittxet li tifhem lilha nnifisha u l-missjoni tagħha f’kull epoka.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 6 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>