Ewropa Internazzjonali

Il-Parlament Ewropew jistabbilixxi Ordni Ewropew tal-Mertu

Sabiex jitfakkar il-75 anniversarju mid-Dikjarazzjoni ta’ Schuman, il-Parlament Ewropew stabbilixxa l-ewwel Ordni Ewropew tal-Mertu uffiċjali.

Bi tħejjija għall-75 anniversarju mid-Dikjarazzjoni ta’ Schuman – il-mument ta’ meta bdiet l-għaqda Ewropea – il-Bureau tal-Parlament Ewropew iddeċieda li jistabbilixxi Ordni Ewropew tal-Mertu, l-ewwel onorifiċenza uffiċjali Ewropea ta’ dan it-tip.

Dan l-unur ċivili ġdid se jkun qed jagħti rikonoxximent lil individwi li jkunu taw kontribut straordinarju għall-għaqda Ewropea, id-demokrazija u l-valuri Ewropej. Għandu wkoll l-għan li jikkomplementa l-onorifiċenzi nazzjonali mogħtija madwar l-Istati Membri billi jimla l-vojt fil-livell Ewropew, filwaqt li jafferma mill-ġdid identità Ewropea kondiviża fi żmien meta l-isfidi globali qegħdin jitolbu għaqda aktar b’saħħitha.

“L-Ewropa hija mibnija mill-poplu tagħha u l-Ordni Ewropew tal-Mertu huwa għalihom,” qalet il-President Metsola. “Dan l-Ordni jiċċelebra lil dawk li jmexxu b’kuraġġ, jaġixxu b’konvinzjoni, u jemmnu — bħal Robert Schuman — li l-paċi, id-demokrazija u d-dinjità mhumiex biss ideali, iżda azzjonijiet konkreti. Fil-75 anniversarju tal-aktar bidu kuraġġuż tal-Ewropa, qegħdin nonoraw lil dawk li qegħdin ikomplu jibnuha.”

L-Ordni Ewropew tal-Mertu se jingħata lil individwi li jkunu mexxew ’il quddiem, b’mod sinifikanti, l-integrazzjoni Ewropea jew li jkunu ppromwovew il-valuri minquxa fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea. Kull sena, kumitat apposta magħmul mill-President tal-Parlament Ewropew, żewġ Viċi Presidenti, u erba’ personalitajiet Ewropej eminenti jagħżel sa 20 rebbieħ.

L-ewwel ċerimonja tal-għoti hija mistennija li ssir sa mhux aktar tard fl-2026. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Parlament Ewropew jagħti ġieħ lill-ispirtu dejjiemi tal-għaqda Ewropea — mill-bidu tagħha fiż-żmien ta’ wara l-gwerra, sal-isfidi tal-lum.

L-Istati Membri kollha — minbarra l-Irlanda — jagħtu onorifiċenzi/merti nazzjonali. L-Ordni Ewropew tal-Mertu jikkomplementa dawn l-onorifiċenzi nazzjonali. Dan l-Ordni huwa novità fil-livell Ewropew. Huwa jimla vojt li jeżisti bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew.

L-Irlanda m’għandhiex sistema ta’ ordnijiet nazzjonali; minflok, tagħti titli u premjijiet onorarji, bħall-Premju Presidenzjali għas-Servizz Distint għall-Irlandiżi Barra mill-Pajjiż.