Il-proposta mressqa mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, f’Jum il-Ħaddiem intlaqgħet tajjeb minn kulħadd; miż-żgħir sal-kbir. Dan għaliex din hi proposta li tista’ tgħin fil-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja.
L-għoli tal-ħajja hija realtà li qed taffettwa l-kwalità tal-ħajja u l-livell tal-għixien tal-poplu Malti u
Għawdxi kollu. Qed taffettwa partikolarment lin-nies vulnerabbli li għandhom dħul baxx u medju,
hekk kif l-aktar affarijiet li qed jintlaqtu bl-inflazzjoni huma bżonnijiet ta’ kuljum – bħal ikel u mediċini.
U kien għal dan l-iskop li l-Partit Nazzjonalista ħaseb li jipproponi tnaqqis fit-taxxa li tittieħed minn fuq ix-xogħol li wieħed jagħmel bla qatigħ biex ilaħħaq mal-ħajja. Bil-proposta tkun li l-ewwel €10,000 li wieħed jagħmel minn fuq l-overtime u l-part-time ma jiġux intaxxati.
L-iktar reazzjoni riċenti li wasslet għal din il-proposta kienet mill-President tal-Malta Employers’, Ivan Refalo, fejn ġibed l-attenzjoni li din il-proposta ma tgħinx biss lill-impjegati iżda anke lil min iħaddem.
“Xi ħaġa bħal din il-proposta tagħti daqsxejn ta’ nifs biex forsi l-employers ikollhom iżjed flessibbiltà meta jkollhom ħaddiema lesti jaħdmu overtime partikolarment f’perjodu meta qed niġġieldu biex insibu n-nies biex jaħdmu. U ħafna drabi konna nisimgħu ħafna impjegati li ma jridux jaħdmu overtime għax jiġu ntaxxati ħafna. Din hi proposta valida ħafna u li tgħin lill-employers.”
Din il-proposta tingħaqad ma’ oħrajn imressqa mill-PN fl-aħħar xhur u snin sabiex tittaffa l-għoli tal-ħajja – dan apparti li tħalli wkoll aktar flus fil-but b’riżultat li l-ekonomija tkompli tikber u tiżviluppa.
Il-Partit Nazzjonalista għamel diversi proposti oħra sabiex jindirizza din l-isfida, li jinkludu ż-żieda tal-COLA li ma tkunx intaxxata, l-għotja ta’ tax credits lil min iħaddem biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-COLA, jinħoloq Fond Nazzjonali li jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu impatt fuq l-għoli tal-ħajja, u l-introduzzjoni ta’ mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda li joħolqu xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.
Sfortunatament, minkejja li dawn il-proposti ntlaqgħu tajjeb kemm mill-poplu u anke mill-imsieħba soċjali, il-Gvern tefagħhom fuq l-ixkaffa. Dan meta l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel minn kollox, anke jekk mill-Oppożizzjoni, sabiex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
//= $special ?>