Tħabbret il-mewt ta’ wieħed mill-uffiċjali sportivi veterani, Edgar Izzo li għal snin twal ta sehem u kontribut importanti fit-tkabbir tal-isport f’Malta.
Izzo miet fl-etá ta’ 85 sena, u tul il-karriera amministrattiva tiegħu, hu ħadem f’diversi dixxiplini fosthom il-futbol, il-waterpolo u l-għawm.
Edgar jiġi missier il-President attwali tal-ASA, l-assoċjazzjoni responsabbli mill-isport akkwatiku f’Malta, fosthom il-waterpolo u l-għawm, Karl Izzo.
Edgar se jibqa’ imfakkar fost id-dilettanti sportivi ta’ żmienu, bħala persuna ta’ onestá u integritá. Hu serva f’diversi rwoli amministrattivi, fosthom fir-rwol ta’ Teżorier tal-ASA, fl-era meta fit-tmexxija ta’ din l-assoċjazzjoni kien hemm Robbie Ebejer bħala President.
Fl-isport akwatiku, Edgar kien ifforma parti mill-kumitat ta’ Sliema, fejn kien serva ukoll fir-rwol ta’ teżorier.
Bħala Slimiż, Edgar kien iħobb ukoll l-isport tal-futbol, u ħadem ukoll f’diversi kumitat tal-passat tal-klabb ta’ Sliema Wanderers.
Mal-klabb Slimiż tal-futbol, apparti li kien ukoll teżorier, hu serva ukoll fir-rwol ta’ Viċi President ta’ wieħed mill-akbar klabb Malti ta’ kull żmien fil-futbol domestiku.
Net News, permezz tat-taqsima sport, isellem il-memorja ta’ Edgar Izzo, u nestendu l-kondoljanzi sinċiera tagħna lill-familjari tiegħu.
//= $special ?>