Lokali

Is-surveyor isib li Conscience għandu biss ħsarat minuri u se jittranġaw fejn qiegħed ankrat

Wara li l-bieraħ filgħaxija, is-surveyor marittimu tela’ abbord il-bastiment Conscience u għamel spezzjoni fuqu barra l-ibħra territorjali ta’ pajjiżna, huwa rraporta lura għand l-awtoritajiet Maltin fejn sab li fih biss ħsarat li jeħtieġu tiswijiet minuri sabiex il-bastiment isalpa għad-destinazzjoni li jmiss.

Stqarrija maħruġa mill-Gvern Malti tgħid li mill-istħarriġ li wettaq is-surveyor marittimu nstab li numru ta’ kompartamenti, fosthom il-qoxra tal-vapur u l-kamra tal-magni huma f’kundizzjoni tajba jew sodisfaċenti u ħielsa minn dħul ta’ ilma.

Qal ukoll li l-maġġorparti tal-apparat importanti fuq il-bastiment bħaż-żewġ magni ewlenin, iż-żewġ ġeneraturi, it-tagħmir li jimbotta l-pruwa u l-apparat għat-tifi tan-nar huma operabbli.

Waqt l-ispezzjoni tiegħu s-surveyor marittimu sab biss proviżjon ta’ ikel u xorb għall-membri tal-ekwipaġġ għal madwar 30 jum. Il-kaptan indika li parti limitata minn dak l-ikel u xorb kien għal skop umanitarju. Instabet ukoll ħażna ta’ fjuwil ta’ madwar 32 tunnellata.

Il-Gvern se jkun qed jagħmel it-tiswijiet, li jeħtieġu l-attenzjoni immedjata, fil-post fejn il-bastiment qiegħed ankrat, kif anki kkonferma li huwa possibbli li jsiru s-surveyor marittimu, jiġifieri barra l-ibħra territorjali ta’ Malta.