Quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo tressaq il-Qorti Bulgaru ta’ 46 sena u dan permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew wara li telaq minn Malta lejn pajjiżu ftit wara li allegatament wettaq serqa minn appartament f’Buġibba. Milen Ivanov minn Stara Zagora, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.
Huwa ġie mixli li kkommetta serq ta’ flus liema serq huwa aggravat bil-mezz, bil-lok u bil-valur u liema valur huwa ta’ ftit iktar minn €3,000 bill-sgassa r-residenza ta’ Anna Pehlivanova u persuni oħra. Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti sabiex tipprovdi għas-sigurtà tal-allegata vittma u persuni oħra billi toħroġ ordni ta’ protezzjoni kontra l-imputat, liema talba kienet milqugħa.
Wara li Ivanov wiegeb mhux hati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ma intalbitx il-liberta provizorja, huwa ntbagħat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Ivanov kien telaq min dawn il-Gżejjer ftit jiem wara li saret l- allegata serqa. Huwa ingib lura Malta permezz ta Mandat ta Arrest Ewropew wara talba lill-awtoritajiet Bulgari.
L-Avukati mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali – Miryea Mifsud u Martina Muscat flimkien ma’ l-Ispettur Godwin Scerri mexxew il-prosekuzzjoni. L-Avukat Ilona Schembri dehret għall-akkużat.
//= $special ?>