In-Negozji Żgħar u Medji huma inkwetati. U l-Gvern għandu jagħti widen għal dan it-tħassib billi jieħu azzjonijiet iktar konkretti kontra l-iskandli li qed ifaqqgħu minn żmien għal żmien – stejjer li qed ikunu daqqa fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Din l-analiżi saret mill-editorjal ta’ The Malta Indipendent, wara li stħarrġ miċ-Chamber of SME’s wera kif 70% tan-negozji żgħar u medji jemmnu li l-pajjiż sejjer fid-direzzjoni l-ħażina. Dan filwaqt li 33% jemmnu li fost l-akbar problemi li dan il-pajjiż qed jaffaċċja hemm il-governanza ħażina. Segwita mil-livell ta’ korruzjoni u l-inflazzjoni.
L-editorjal esprima tħassib għall-fatt li pajjiżna qiegħed jiffaċċja problema ta’ splużjoni fil-popolazzjoni; madanakollu diversi negozji żgħar u medji xorta waħda qed jkollhom problema b’nuqqas ta’ ħaddiema. Bl-editorjal jistaqsi lill-Gvern biex jagħti direzzjoni lin-negozji ħalli jużaw iżjed it-teknoloġija.
Dan filwaqt li ssemma’ kif il-proċess biex il-ħaddiema jżidu u jbidlu l-abbiltajiet tax-xogħol tagħhom huwa essenzjali.
Problema oħra li l-Gvern għandu jindirizza hija l-kompetizzjoni inġusta li tista’ tirriżulta min-nuqqas ta’ fiduċja fil-mod kif joħorġu t-tenders jew kif isir il-public procurement.
Bl-editorjal jagħmel referenza għall-fatt li n-negozji u s-sidien tal-ħwienet qed jitolbu lill-Gvern biex b’mod serju jtejjeb it-trasparenza, u jiżdiedu l-miżuri kontra l-korruzjoni.
//= $special ?>