Opinjoni

OPINJONI: Kif għandna nifhmu lil Trump (3)

F’din it-tielet u l-aħħar parti tal-analiżi tagħna tal-President Donald Trump, se nissoktaw nippruvaw nifhmu l-istrateġiji tal-President Amerikan, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mat-tariffi

minn Mark A. Sammut Sassi

Naturalment, hu minn ewl id-dinja illi nistgħu nitkellmu biss sal-lum, u li wieħed jista’ jibdel l-istrateġija tiegħu u saħansitra jibdel il-miri li qed jaħdem għalihom.
Fl-ewwel żewġ partijiet ta’ dit-triloġija ta’ artikli xħettna ftit tad-dawl fuq l-alleanza li Trump seddaq mal-Ħaddiem Amerikan, bil-wegħda tiegħu li lill-Amerika jagħmilha kbira mill-ġdid (MAGA), li – fost ħwejjeġ oħra – tfisser li jreġġa’ lura lejn l-Istati Uniti l-fabbriki li ddelokalizzaw l-aktar lejn iċ-Ċina.
B’danakollu, il-Gwerra tat-Tariffi li għaddejja bħalissa mhix biss maħsuba biex tipproteġi u ssaħħaħ il-produzzjoni Amerikana, imma wkoll biex tkattar il-kummerċ li tagħmel l-Amerka ma’ pajjiżi oħra.

X’inhuma t-tariffi?
It-tariffi huma taxxi imposti mill-gvernijiet nazzjonali (għad li mhux biss) fuq prodotti importati. It-tariffi jitħallsu mill-importatur. Barra milli jservu bħal dħul għall-istat, it-tariffi huma wkoll mezz ta’ kif jiġi rregolat il-kummerċ barrani u wkoll biex tkun protetta l-industrija tal-pajjiż li jimponi t-tariffi.
Matul l-ewwel amministrazzjoni ta’ Trump (2017-2021), l-Amerka daħħlet ħafna tariffi. Il-President ta’ wara Trump, Joe Biden, żamm ħafna minnhom (għad li neħħa t-tariffi fuq l-azzar Ewropew) u kabbar it-tariffi fuq prodotti bħalma huma l-vetturi elettriċi u s-semikondutturi ġejjin miċ-Ċina. Taħt Biden, l-Amerka daħħlet aktar flus mit-tariffi milli daħħlet taħt l-ewwel amministrazzjoni ta’ Trump.
Fit-tieni amministrazzjoni ta’ Trump, il-Gwerra tat-Tariffi qed tissokta, u Trump qed jattakka lill-ħbieb u lill-għedewwa bħalkieku xorta.

L-iskop tat-tariffi
Hu ċar li bit-tariffi – fit-teorija, tal-anqas – se jmorru tajjeb il-produtturi Amerikani li għandhom il-fabbriki tagħhom fl-Amerka nnifisha. Minn dal-angolu, l-istrateġija ta’ Trump tibbenefika lill-ħaddiema (għax jerġa’ jkollhom ix-xogħol fil-fabbriki fl-Amerka) u lill-industrijalisti li baqgħu fl-Amerka.
L-ekonimisti, iżda, jgħallmu li l-problema tat-tariffi hi l-industrijalisti lokali jaf jinfetħilhom l-aptit u jinvellaw il-prezz tal-prodotti tagħhom ma’ dak tal-prodotti importati. Fit-tul, allura, l-istrateġija tat-tariffi ma twassal imkien għajr għal żieda fil-prezzijiet u allura għall-inflazzjoni.

It-tariffi bħala bastun
Bħal kulmin jaf jagħmel in-negozju, Trump juża l-karrotta u l-bastun. It-tariffi huma eżempju tal-bastun. It-tariffi huma għodda li Trump juża bit-tir li jikkonvinċi lil pajjiżi oħra jċedu għal dak li jrid minnhom. Jiġifieri, jekk analizzati minn dil-lenti, huma miżuri temporanja: appena l-pajjiż milqut mit-tariffa jċedi u jagħti lil Trump dak li Trump irid, allura t-tariffi jitilqu.
Fis-sew din hi tattika tal-bullies. Però min jaħseb li l-politika internazzjonali hi xi grupp tat-talb jew xi fergħa tal-Girl Guides, ikun qed jiżbalja bl-oħxon. Il-politika internazzjonali hi taqbida bejn min hu f’saħħtu u min mhux, u kważi dejjem jirbaħ min hu f’saħħtu. Ir-regoli internazzjonali huma maħsubin biex b’xi mod jipproteġu lil min mhux f’saħħtu – imma r-regoli jaħdmu biss jekk min hu f’saħħtu jridhom jaħdmu. Biex ir-regoli jħarsu lil min mhux f’saħħtu, min hu f’saħħtu jrid jirrispettahom hu stess u jġiegħel lil ħaddieħor jirrispettahom.
L-Amerikani jafu li d-dinja hi miżgħuda bullies. U biex huma jibqgħu minn fuq, taħt Trump qed jemmnu aktar minn qatt qabel li huwa fl-interess tagħhom li huma jkunu l-bully li jbeżża’ lill-bullies l-oħrajn kollha. Hemm min qed jitkellem dwar it-tmiem tal-Imperu Amerikan, jew tal-eġemonija Amerikana. Hemm min qed jara li l-politika ta’ Trump qed tipprova ssalvaha l-eġemonija Amerikana, billi turi lil kulħadd li l-Amerikani jikkmandaw u jifilħu jiksbu ħafna minn dak li jridu jiksbu.
It-tariffi huma parti minn dan il-bullying. It-tariffi huma utli għall-Amerka biex tkun tista’ tinnegozja t-termini li bihom tagħmel il-kummerċ. Imma wkoll biex tħares il-proprjetà intellettwali tagħha.
Imma wieħed irid iħares lejn l-impatt ta’ dan kollu fuq…

Id-dollaru bħala l-munita dinjija
Ħa nkunu ċari. L-ekonomisti mhumiex xi sħaħar li jħarsu fil-ballun tal-kristall u jafu preċiż x’ġej fil-futur. Ħafna drabi kulma jagħmlu hu li jressaq tbassir – qishom l-uffiċċju meteoroloġiku. U bħal dak l-uffiċċju, ġie li jiżbaljaw fit-tbassir tagħhom.
Fost l-ekonomisti hemm dawk li qed jaraw l-istrateġija ta’ Trump bħala mezz kif isaħħaħ id-dollaru, u jżommu bħala l-munita dinjija – u dan isaħħaħ aktar l-ekonomija Amerikana u l-qagħda tal-Kapital Amerikan.
Imma hemm ekonomisti oħrajn li qed jisħqu li f’Washington DC bdiet tinfirex l-idea li l-Amerka għandha aktar x’tiggwadanja jekk id-dollaru ma jibqax il-munita dinjija. Dawn qed jisħqu li jekk tonqos id-domanda għad-dollaru, tikber l-esportazzjoni tal-prodotti Amerikani lejn il-bqija tad-dinja.
Jien naħseb li għadu mhux ċar liema minn daż-żewġ ipoteżijiet hija t-tajba. Hu x’inhu, jidher li r-rwol tad-dollaru fid-dinja hu wieħed mir-raġunijiet wara l-Gwerra tat-Tariffi.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 4  ta Mejju, 2025.