minn Nathaniel Attard
Direttur Komunikazzjoni PN u Kelliem
tal-Kap tal-Oppożizzjoni
Il-Kap tal-PN Bernard Grech fil-jiem li għaddew mexxa delegazzjoni tal-PN għal żjara fiċ-Ċina li tikkonsolida r-relazzjonijiet eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi mibnija minn gvernijiet suċċessivi matul is-snin.
Malta u ċ-Ċina huma żewġ pajjiżi differenti ferm minn xulxin, imbegħdin ħafna minn xulxin, b’kulturi differenti, ferm differenti wkoll fid-daqs u fil-kobor tal-popolazzjoni.
Imma żewġ pajjiżi li bnew relazzjonijiet b’saħħithom li gvernijiet suċċessivi Maltin komplew isaħħu tul għexieren ta’ snin. Relazzjonijiet mhux biss politiċi u diplomatiċi fuq livell bilaterali, imma wkoll f’oqsma bħall-edukazzjoni u s-sehem taż-żgħażagħ, il-kummerċ, it-turiżmu, il-kultura u l-qasam marittimu u li issajistgħu jkomplu jiġu konsolidati f’oqsma oħra innovattivi marbutin mat-teknoloġija moderna bħalma huma l-manifattura tal-karozzi elettriċi, l-awtomazzjoni, il-green technology u l-AI.

Laqgħa mal-Viċi Ministru Lu Kang
Kollaborazzjoni mill-viċin
Waqt żjara li għamlet fiċ-Ċina delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-Kap tal-PN Bernard Grech fuq stedina tal-Gvern Ċiniż, ħareġ ċar kif hemm ħafna oqsma li jipprovdu art fertili fejn dawn iż-żewġ pajjiżi jistgħu jkomplu jikkollaboraw mill-qrib. U Gvern ġdid immexxi mill-PN jibni fuq il-ħidma li saret minn amministrazzjonijiet preċedenti Nazzjonalisti li emmnu fil-potenzjal ta’ Malta biex isservi bħala pont bejn l-Ewropa u l-Asja.
Prim Ministri Nazzjonalisti bħal Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi, imma anke politiċi oħra bħall-Professur Guido de Marco u l-Eks Kap tal-PN Simon Busuttil – li kollha żaru ċ-Ċina – kellhom viżjoni fit-tul meta fehmu l-importanza taċ-Ċina bħala sieħeb importanti fuq livell dinji u hu għalhekk li rridu nkomplu nsaħħu r-rabtiet bilaterali tajbin li jeżistu bejn iż-żewġ naħat.Anke min-naħa tal-Gvern Ċiniż, hemm qbil li minkejja t-twemmin ideoloġiku differenti, jista’ jinstab common ground fejn dawn ir-relazzjonijiet eċċellenti jistgħu jkomplu jikbru bħall-benefiċċju taż-żewġ popli.
Konferenza internazzjonali fil-belt ta’ Chongqing
Interessanti fil-bidu ta’ din iż-żjara kienet konferenza internazzjonali li matulha l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech indirizza mijiet ta’ delegati barranin miġburafil-belt ta’ Chongqing fuq stedina tal-Political Bureau tal-Gvern Ċiniż, bit-tema tkun il-modernizzazzjoni taċ-Ċina.
Hawnhekk Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-ħsibijiet tal-PN li jkomplijiżviluppa l-kollaborazzjoni maċ-Ċina fil-qasam tat-teknoloġija l-ħadra u l-iżvilupp sostenibbli. Bħaċ-Ċina, Malta hi impenjata li tindirizza l-isfidi ambjentali permezz tal-innovazzjoni.
Chongqing hija l-akbar belt fiċ-Ċina li żviluppat b’rata mgħaġġla fl-aħħar ftit snin, u f’din il-belt, li hija l-akbar manifattur tal-laptops fid-dinja, id-delegazzjoni tal-PN żaret is-SERES EV Super Factory, impjant li jipproduċi l-vetturi elettriċi bl-użu tal-aktar teknoloġija avvanzata li teżisti fid-dinja bħalissa.
Filwaqt li stajna naraw kif il-maġġor parti tal-proċess tal-produzzjoni ta’ kull karozza jsir minn robots kbar, xorta waħda l-kumpanija timpjega eluf ta’ ħaddiema, b’terz tar-riżorsi umani tagħha ddedikati għall-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp.
Dan huwa proprju wieħed mill-aktar oqsma fejn Malta għandha tesplora t-tkabbir tal-koperazzjoni tagħha maċ-Ċina u matul din iż-żjara, id-delegazzjoni tal-PN fehmet aħjar kif anke pajjiżna jista’ jkollu ekonomija li tkun ibbażata fuq xogħol ta’ kwalità b’ħaddiema mħarrġa f’dawn l-oqsma ta’ eċċellenza.
Impenn favur il-paċi
Temi oħra li fuqhom jaqblu Malta u ċ-Ċina – u li wkoll kienu diskussi waqt il-laqgħat fil-kapitali Beijing – kienu jinkludu l-impenn komuni ta’ Malta u ċ-Ċina għall-paċi, u s-sitwazzjoni tad-difiża u s-sigurtà fl-Ewropa fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna.
Ma jistax jonqos li mal-Ministru Liu Jianchao – li huwa l-Kap tad-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin taċ-Ċina, u mal-Viċi Ministru Lu Kang, il-Kap tal-PN jiddiskuti wkoll kif iċ-Ċina qed tirrispondi għat-tariffi imposti mill-Gvern Amerikan u anke l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea f’din il-kriżi li qed tolqot ukoll lil Malta. Il-Ministri tal-Gvern Ċiniż esprimew il-fehma tagħhom li Malta, bħala Stat Membru, tista’ sservi bħala pont bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina.
Żjara oħra interessanti fil-kapitali Ċiniża kienet dik fl-iskola politika fejn jingħataw it-taħriġ tagħhom politiċi Ċiniżi f’karigi għolja. Minn din l-iskola ghadda wkoll il-President attwali tac-Cina Xi Jinping.
Hawnhekk id-diskussjoni ffukat fuq ir-relazzjonijiet tal-PN fuq livell ta’ partiti. Minkejja r-realtajiet ferm differenti bejn Malta u ċ-Ċina, hemm valuri komuni li jgħaqqdu liż-żewġ pajjiżi u hemm lok għal aktar koperazzjoni anke f’dan il-livell.

Id-delegazzjoni tal-PN immexxija minn Bernard Grech
Il-klima u l-kwalità tal-arja
Temi oħra diskussi kienu l-isfida tal-bidla fil-klima u l-kwalità tal-arja. It-tmexxija tal-iskola kienet interessata wkoll issir taf aktar dwar il-ħidma tal-PN fil-fora Ewropej bħala partit membru tal-Partit Popolari Ewropew, il-PPE.
Il-kollaborazzjoni fuq livell Ewropew kienet diskussa wkoll mal-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina Hua Chunying, b’dikjarazzjoni ċara tal-Viċi Ministru Ċiniża li ċ-Ċina tqis lil Malta bħala sieħeb ta’ min jorbot fuqu fl-Unjoni Ewropea.
Fl-ambitu tal-kwistjoni li għaddejja bħalissa bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina fuq it-tariffi imposti mill-Gvern Amerikan, il-Kap tal-PN insista li l-Unjoi Ewropea, iċ-Ċina u l-Amerika jridu jagħmlu sforz biex jerġa’ jiġi stabbilit il-prinċipju ta’ kummerċ ġust bejn il-partijiet kollha involuti u l-kwistjoni tat-tariffi tiġi riżolta kemm jista’ jkun malajr għall-benefiċċju ta’ kulħadd, inkluż pajjiżna.
Filwaqt li faħħret il-mod kif aġixxiet il-President tal-Parlament Ewropew u Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola f’din il-kwistjoni, il-Viċi Ministru qablet li l-aktar importanti tibqa’ l-ħidma biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet u l-ħtiġijiet tan-nies, bil-persuna tibqa’ fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni li nieħdu.
Matul iż-żjara fiċ-Ċina, il-Kap tal-PN Bernard Grech kien akkumpanjat ukoll mix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Beppe Fenech Adami u mis-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 4 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>