Opinjoni

OPINJONI: Sal-aħħar tal-ġimgħa

Dmirna llum huwa dejjem iktar dak li ningħaqdu sabiex inservu s-Sewwa. Inservu ma’ min se jiġi elett Papa biex inkunu iktar melħ tajjeb f’dinja mimlija ġenn u traġedji.

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

Hija ċertament ġimgħa determinanti għal dawk li huma parti mill-Knisja Kattolika, imma daqstant ieħor għal dawk li jifhmu kemm din il-kariga hija importanti fid-dinja. Vuċi li ġġib lill-bnedmin jifhmu aħjar dak li jgħaddu minnu.

Minn għada jibda l-proċess li fih, u minnu, jiġi magħżul il-Papa l-ġdid. Dak li jrid iġorr responsabbiltà xejn faċli. Dak li jagħti direzzjoni ħajja lil diversi bnedmin bħali li jħarsu lejn il-kliem u l-aġir tiegħu. Dan se jkun is-sitt persuna li nara jiġi elett u li nittama li nsegwi l-ħidma tiegħu. Kull Papa jiġi bil-missjoni tiegħu. Kull wieħed iwettaq ħafna aktar minn dak li l-kritiċi jbassru. Jissupera fuq ħafna u jispira ’l-popli biex jidħlu għas-servizz tas-Sewwa. L-onestà, il-verità, l-awtentiċità, il-ġustizzja, il-ħniena jsibu ruħhom spjegati u mwettqa.

Tħares ’il fuq

Mingħajr ma trid tifhem li tkun qed tħares ’il fuq lejn dawn il-bnedmin kbar. Kull diskors, kull kitba, kull azzjoni, huma mimlija b’sens u sustanza. Mhux biss, imma għandhom messaġġ li taqrah meta taqrah, jew issegwih meta ssegwih, se jinfluwenzak. Huwa universali, imma fl-istess ħin mhuwiex ristrett fiż-żmien partikolari.

Hemm proċess u żvilupp kontinwu li tmiss miegħu u tingħaqad fih. U tifhem dan aktar meta taqra ħajjet dawn il-persuni uniċi. Dak li ġarrbu qabel saru u dak ta’ wara l-ħatra tagħhom jispjega ħafna. Tħares lura u tiġi konvint li kull wieħed minnhom ġie mbaskat u mgħoddi minn numru ta’ esperjenzi proprju biex ikun preparat għal dak li kien ġej għalih. M’għandix dubju li min, sal-aħħar tal-ġimgħa se jiġi magħżul, se jkun hu wkoll kompletament f’din il-linja. Preparat għal dak li ġej. Għax kif kien qal il-Papa Benedittu XVI: “The Church marches forward to the fulfillment of history. No, one does not go back, nor can one.

Fil-verità

Ftit kienu dawk li ġew iċċumbati qabel. Identifikati korrettament qabel daħlu fil-Konklavi, li se jilħqu. Anke jekk illum, bil-mezzi teknoloġiċi li għandna, kollox jidher li m’hemmx kantuniera jew rokna mhux pubblika tal-Kardinali, xorta hemm proċess li l-bniedem jibda jifhmu biss wara.

Mhux hekk biss, imma anki jekk hemm min qed jipprova jixħet u jwaħħal tabelli varji ta’ identifikazzjoni fejn il-popolari huma konservattivi u progressivi, xorta kull min jilħaq se jkompli fit-triqat ta’ qablu u jimxi ’l quddiem. Dejjem ’il quddiem, dejjem fil-progress mhux materjalista, imma dak tal-ispiritwalità interna li tifforma ’l-bniedem.

Ħadd ma jista’ jiċħad li ġewwa fih hemm dinjità li jieħu miegħu u li jista’ jinjora, jista’ jiċħad, imma f’xi mument irid imur lura għaliha.

F’Mejju

Hemm isbaħ li dan il-proċess ta’ għażla qiegħed isir tul dan ix-xahar mill-aqwa. Mimli bi frott spiritwali, b’qaddisin kbar bħal San Ġorġ Preca, imma l-iktar li hu dedikat lill-Madonna. Wieħed li telaq bil-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem. L-Ewwel ta’ Mejju huwa għalina forza ta’ għaqda sabiex dawk li huma msejħa biex ikabbru l-ġid iwettqu dan fid-dinjità sħiħa li kull ħaddiem jixraqlu.

F’dan ninsabu fejn ninsabu bil-ġabra ta’ liġijiet industrijali varati biex jiddefenduh, li huma lkoll ġejjin minn proċess passat. Proċess li fih Papiet passati ħadu pożizzjoni u mexxewna. Favur il-bniedem li mhuwiex mezz ta’ produzzjoni imma kontributur attiv għall-ġid komuni. Mhuwiex hemm biex jassigura li oħrajn jistagħnew bla bilanċ jew skruplu, imma li jikber u jħossu parti sħiħa mill-iżvilupp personali tiegħu.

Dikjarazzjonijiet

Kull Papa, speċjalment f’dawn l-aħħar ħamsin sena, ħalla warajh siġill li meta tmur lura għalihom, f’kitbiethom timmarka avvanz. Pass li nagħrfu, anke jekk ninsabu f’soċjetà fejn din il-ħidma, dawn l-enċikliċi ma jissemmewx, jew ma jingħadux minħabba xi forma ta’ mistħija. Inkella ma jsibux posthom f’dawk li ma jarawx li għalihom huwa aktar politikament korrett jew vantaġġjuż elettoralment li jfakkru f’dawn il-passi daqshekk deċiżivi.

Veru għalhekk, anke llum, li fuq dan wieħed irid jitlaq minn ħidmet il-Papa Ljun XIII (1810-1903) bir-Rerum Novarum (1891). Dik l-enċiklika li fetħet kapitoli ġodda fid-duttrina soċjali li tiddistingwina u li hija parti mill-missjoni politika tagħna. Warajh, ħafna komplew iżidu, fosthom il-Papa Pawlu VI, il-Papa Ġwanni Pawlu II b’Laborem Excersens (1981) u wara b’Centesimus Annus (1991), kif ukoll il-Papa Benedittu XVI, li kien riformatur ferm ikbar milli jaħsbu dawk li jiddikjarawh, u reċentement il-Papa Franġisku, li assigura li l-messaġġ jitqiegħed iktar fil-kuntest u fil-prattika. Duttrina Soċjali li titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dawk li huma l-iktar fil-bżonn. Dawk li huma fil-faqar.

Rikonoxximent

F’dan kollu hemm idur il-punt ċentrali ta’ kemm u kif il-klassi tal-ħaddiema hija protetta fil-preżent. Kemm il-liġijiet u l-linja sħiħa soċjali tal-pajjiż humiex jiġu applikati. Ta’ kemm il-ħaddiema huma verament protetti fuq il-post tax-xogħol u f’dan x’jista’ jsir biex l-affarijiet ikun assigurat li qed isiru sew.

Forsi wieħed jifhem iktar kemm il-Kapitolu 527 tal-Liġijiet ta’ pajjiżna dwar il-Protezzjoni tal-Infurmatur jista’ jitħaddem ferm aktar. Biss jidher li fl-aġenda, is-soluzzjoni li qed tiġi diskussa hija f’jekk għandhiex tgħaddi liġi li ġġib li kull ħaddiem ikun, irid jew ma jridx, parti minn union. Punt xejn faċli, bil-passat u l-kumplikazzjonijiet politiċi li xi wħud ġarrbu.

Imma filwaqt li wieħed m’għandux jaqbad u jagħlaq il-bieb, dak li jkun irid jara jekk fil-fatt hemmx bżonn li f’ċerti kategoriji u setturi, proprju minħabba l-isfruttament li hemm, din tidħol. Hemm bżonn ta’ djalogu matur, attent, fejn il-fatti jiġu kunsidrati b’mod oġġettiv. Għax kull ħaddiem, ġej minn fejn hu ġej, għandu jiġi mogħti d-dinjità li ħaqqu.

Sint ut sunt, aut non sint

F’dan għandna nifhmu dejjem din ir-regola. F’dan il-proċess progressiv u f’dan il-kuntest niddikjaraw li aħjar inkunu kif aħna milli ma nkunu xejn. Aħjar nibqgħu nkunu dawk li jirrappreżentaw lil dawk li l-aktar għandhom bżonn li jkollhom il-ġustizzja soċjali magħhom.

Dmirna llum huwa dejjem iktar dak li ningħaqdu sabiex inservu s-Sewwa. Inservu ma’ min se jiġi elett Papa biex inkunu iktar melħ tajjeb f’dinja mimlija ġenn u traġedji. Dmir li m’għandniex nibqgħu lura minnu. Dak li nittama li nagħrfu ferm iktar lejn l-aħħar ta’ din il-ġimgħa.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 6 ta’ Mejju, 2025.