Il-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius se jkun qed imexxi n-negozjati dwar ir-regoli tas-suq Ewropew relatati mas-sigurtà u l-konformità tal-prodotti fis-suq Ewropew, kif ukoll, lir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali fil-monitoraġġ u l-istandardizzazzjoni tal-prodotti fis-suq tal-UE.
Il-Parlament Ewropew mistenni jadotta riżoluzzjoni dwar il-Qafas Leġiżlattiv il-Ġdid, li ser japplika għal kull prodott fis-suq uniku, aktar tard din is-sena. Peter Agius se jkun qed imexxi n-negozjati f’isem il-Partit Popolari Ewropew (PPE).
Meta laqa’ l-ħatra tiegħu, il-MPE Peter Agius qal: “Se nkun qed naħdem għal Ewropa b’inqas burokrazija għan-negozji u aktar sigurtà għall-konsumaturi, filwaqt li noħolqu aktar opportunitajiet għall-intrapriżi Ewropej, b’mod partikolari dawk żgħar u tal-familja li huma l-pedament tal-ekonomija tagħna, inkluż f’Malta.”
“Għandna wkoll niżguraw li n-negozji Ewropej tagħna jkunu jistgħu jikkompetu fl-Ewropa. Dan mhux se jkun possibbli jekk ma jkollniex kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni mal-bqija tad-dinja. It-tkabbir tan-negozji tagħna u l-investiment kontinwu tagħhom fl-innovazzjoni jfissru prodotti aktar siguri u ta’ kwalità aħjar – u fl-aħħar mill-aħħar impjiegi aħjar għall-ħaddiema tagħna. Ejja niżguraw li nagħmlu użu sħiħ mill-potenzjal tas-suq uniku tal-UE,” qal il-MPE Peter Agius.
//= $special ?>