Żagħżugħ ta’ 26 sena minn Pembroke ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li akkwista u tella’ materjal pornografiku li juri minorenni u li kien fil-pussess ta’ pornografija tat-tfal.
Il-ħati li ismu ma jistax jiġi ppubblikat b’ordni tal-Qorti, kien ammetta l-ħtija għall-akkużi waqt li tressaq il-Qorti fid-9 ta’ April. Huwa kien it-tieni ċittadin Malti li tressaq il-Qorti wara investigazzjoni tal-Europol dwar abbuż sesswali tat-tfal.
Meta kien tressaq il-Qorti, l-ispettur Wayne Buhagiar kien qal li xi xhur qabel il-Pulizija Ġermaniża bdiet tinvestiga Kidflix, websajt li tinkludi pornografija tat-tfal. Fost il-persuni li aċċessaw il-websajt, sabu lis-suspettat, li kien għamel ħlasijiet bl-użu tal-munita kripto biex jixtri pornografija tat-tfal u saħansitra jtellagħha.
Kidflix, li minn dakinhar ingħalaq, kien wieħed mill-akbar siti ta’ pedofilija fid-dinja, fejn 1.8 miljun persuna kienu jidħlu fis-servizz fix-xahar. Kellu 72,000 vidjow. Il-Pulizija f’diversi pajjiżi għamlet 79 arrest, inklużi ż-żewġ arresti li saru mill-Pulizija ta’ Malta wara informazzjoni li rċeviet mingħand il-Europol.
Il-Qorti fil-konsiderazzjonijiet tagħha dwar il-piena, qalet li filwaqt li sentenza ta’ ħabs effettiva tkun xierqa, kien hemm raġunijiet tajbin u validi biex tagħti sentenza sospiża. L-akkużat ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin.
Huwa tqiegħed taħt ordni ta’ superviżjoni u ordni ta’ trattament għal erba’ snin u tliet snin rispettivament. Ismu se jiġi inkluż fir-reġistru tal-awturi ta’ reati sesswali.
Il-Maġistrat Nadine Sant Lia ppresediet il-każ.
L-Ispetturi Wayne Buhagiar u Carl Pace mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukat Veronica-Anne Spiteri dehret għall-akkużat.
//= $special ?>