Lokali Qorti

Tmien xhur ħabs fuq passaport falz

Raġel li ammetta li xtara passaport Sloven falz li mbagħad uża biex japplika għal permess tax-xogħol f’Malta ngħata sentenza ta’ tmien xhur ħabs. Stanko Trivic deher quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo akkużat li kellu fil-pussess tiegħu passaport falz u li uża d-dokument biex jikseb permessi f’Malta.

Iċ-ċittadin Serb, li ilu Malta 10 snin, ġie arrestat fil-post tax-xogħol tiegħu fil-Gżira. Il-Qorti ntqalilha li xtara d-dokument falz għal €800. Huwa ammetta l-ħtija għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-prosekuzzjoni u d-difiża sostnew li sentenza ta’ ħabs effettiva lejn il-minimu kienet xierqa f’dan il-każ.

Il-Qorti kkundannatu għal tmien xhur ħabs.

L-Ispettur Lara Butters mexxiet il-prosekuzzjoni. L-avukat Yanika Bugeja dehret għall-akkużat.