Mark Anthony Sammut, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal fil-parlament li Transport Malta qed toħloq problemi kbar għall-operaturi minħabba regoli mhux prattiċi
Hu qal li t-trasport huwa l-kawża primarja tat-tniggiż tal-arja fil-pajjiż u t-tieni l-ikbar sors ta’ emissjonijiet ta’ CO2. Jekk irridu trasport sostenibbli, speċjalment f’kuntest fejn irridu nnaqsu l-karozzi mit-toroq u allura nnaqsu anke l-bżonn li n-nies ikollhom karozza privata tagħhom, huwa s-settur tal-passenger transport services.
Dawn is-setturi spiċċaw fi problemi kbar li ġennew fil-veru lill-operaturi u ġabuhom f’sitwazzjoni fejn lanqas jafu kif suppost iridu jaħdmu. Sal-aħħar tal-2019, kien hawn 2,421 LY-plate.
Fl-2020 daħlet ir-riforma tal-Public Service Garage. Liema riforma kellha affarijiet tajbin, pero tneħħew ħafna mir-rekwiżiti li wieħed kellu bżonn meta jiġi biex japplika għal permess ġdid, jew iġedded permess eżistenti. Fosthom, l-Awtorita bdiet toqgħod biss fuq dikjarazzjoni tal-applikant li jgħidilha fejn ħa jżomm il-karozzi u kemm għandu spazju.
Ovvjament dan in-nuqqas ta’ kontroll wassal għal splużjoni ta’ liċenzji ġodda wara l-2020; minn 2,421 sal-aħħar tal-2019, tlajna għal 5,100. F’erba snin, iżjed milli jrduppjaw ruħhom il-LY-plates fit-triq.
Dan juri li l-problema splodiet kemm ilu Prim Ministru Robert Abela. Tant dan is-settur tħalla għal riħu u kulħadd jagħmel li jrid, li sar il-lok ta’ ħafna abbużi u sar settur fejn jiġu sfruttati bl-addoċċ ħaddiema barranin, fejn l-evażjoni tat-taxxa hi kbira u fejn sar mod faċli fejn jinħaslu l-flus.
Hu qal li issa l-Gvern iddeċieda li jrid inaddaf; imma bil-lant qed inaddaf. Tant f’daqqa waħda daħħal sikkatura u ġabu imprattikabbli li taħdem, li issa spiċċa mal-ħażin qed jeħel it-tajjeb. Hu spjega li hemm multi ta’ sentejn ilu li huma ingusti u whud minnhom ivvintati. Dawn huma multi ta’ €500, li hija somma esaġerata meta qed nitkellmu fuq parking. Din għandha tkun meqjusa bħala kontravenzjoni appellabbli quddiem it-tribunal lokali mhux il-qorti!
Hemm ukoll inġustizzja oħra li qed twettaq Transport Malta f’dawn il-multi fejn suppost l-Awtorita tinforma lill-operatur li se timponi l-multa u l-punti u ttih 10 ijiem cans jagħmel ir-rapprezentazzjonijiet tieghu qabel tiehu d-decizjoni finali. Mela ma jistax ikun li malli l-Awtorità tinforma li se timponi l-multa u l-punti, dawn jidhlu fis-seħħ!
Biex iġġedded il-liċenzja trid thallashom anke jekk daħħalt ir-rappreżentazzjoni tiegħek u suppost għadek qed tistenna d-deċiżjoni finali. Qed tiksru l-ligi taghkom stess!, sostna d-deputat Nazzjonalista.
Din qisha saret il-fissazzjoni l-ġdida ta Transport Malta tant li anke fil-każi ta’ karozzi tal-funerali, qed jippretendu li ma dawn ma jistennewx il-mejjet ħdejn il-knisja. Dawn seħħu wkoll f’każi ta’ tiġijiet.
Il-kontijiet ta’ €6,500 iridu jitħallsu kollha u meta jkun se jsir tiġdid jgħidulhom li sabu iktar ċitazzjonijiet.
Hu staqsa x’garanzija hemm Ii mhux ivvintati dawn il-multi ta sentejn ilu.
Sid ta’ Y-plate ieħor baqa’ jinsisti għar-ritratti u nduna li ħadu żball fin-number plate u l-karozza ma kinetx tiegħu. Ir-ritratt kien ta’ karozza li n-numru kien bħal tiegħu, imma littri kienu HYL mhux HLY, lanqas kienet Y-plate!
Xufier ieħor kellu l-karozza barra garaxx tal-mechanic tistenna biex idaħħalielu għas-service u weħel €500 ewro.
Kien hemm xuifer ieħor li rċieva numru ta’ multi fuq minibus li jsuqu hu biss sentejn ilu. Imnalla kellu l-karti tas-sickleave juri li ma kienx qed jaħdem dak iż-żmien għax kellhom żball fin-number plate, jew ivvintawhom ukoll, qal Mark Anthony Sammut.
Transport Malta, tant imtliet b’inkompetenza, li lanqas taf x’suppost qed tinforza.
Xufier kien qed isuq 9-seater (8+1 driver) li hi kategorija ta’ karozzi li tista’ ssuqha bil-License B, fl-Ewropa kollha. Uffiċċjal ta’ Transport Malta, wiehed minn dal-ħafna li qed idaħħal il-Ministru li ma għandhomx idea ta’ liġijiet, baqa’ jinsisti li għandu bżonn l-liċenzja tal-coaches
Hemm każi ta’ xufiera li qalgħu multa għax kellhom fire extinguisher u l-uffiċċjal qallhom li mhux kbir biżżejjed. Qam paniku u kien hemm min bagħat emails l-Awtorità, jistaqsi x’fire extinguisher suppost għandu.
Lil min qalulu li mhemmx speċfikazzjonijiet fil-liġi, iżda jrid ikollu fire extinguisher u lil min qalulu li jrid ikollu fire extinguisher ta’ żewġ kilos anke fuq karozza żgħira.
Il-guidelines ta’ Transport Malta, jgħidu li kilo għal karozzi sa tmien passiġġieri u żewg kilos għal karozzi akbar.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-inkompetenza li daħħlu hi Transport Malta hi tal-wahx. Fejn hemm regolatur li lanqas jaf il-liġi.
Każ ieħor kien ta’ koppja ċittadini Maltin, imma li m’għandhomx ID card Maltija għax ilhom ma jgħixu Malta 24 sena u huma residenti fl-Italja. Huma kienu Malta għal żjara qasira b’karozza reġistrata l-Italja. Issa l-liġi ttihom id-dritt li la mhumiex residenti f’Malta jistgħu jiġu b’karozza bi pjanċi barranin u jużawha għal mhux aktar minn seba’ xhur.
Dawn ġew Malta għal ħamest ijiem biss fejn l-uffiċjal talabhom l-ID card, huma qalulu li m’għandhomx għax mhumiex residenti hawn u kkonfiskawlhom il-karozza. Ħallew koppja ma’ binhom, fid-9pm f’post ma jafuhx, kellhom jaqbdu cab, tellfulhom holiday u kellhom taħbit kbir biex jaraw x’se jagħmlu biex jieħdu l-karozza lura qabel jitilqu. Biex imbagħad Transport Malta qaltilhom li ħadu żball.Lanqas kellhom id-diċenza jikkumpensawhom imqar tal-cabs li kellhom jaqbdu kemm damu bla karozza!
Hu qal li xufier ta’ Y-plate bagħtlu ritratt tal-flixkun li jżomm fil-karozza biex jinqeda. Avolja suppost tista’ tħallieha siegħa pparkjata, lanqas għadhom jafdaw tant qed isibu ħdura u vendikazzjonijiet. L-istess sitwazzjoni hi għall-minibuses u l-coaches.
Hu qal li jifhem li ma tistax tħalli minibus u coach rieqda barra u li m’għandekx tħallieha pparkjata quddiem bibien ta residenti, jew imqar 50 metru ‘l bogħod minn residenzi. Imma x’qed nieħdu billi nippretendu li coach, li telqet mill-garaxx f’Ħal Għaxaq, waslet lin-nies il-Mellieħa u flok tista’ tistenniehom siegħa biex teħodhom x’imkien ieħor nippretendu li ssuq lura għall-garaxx tagħha u terġa’ titla’, jew toqgħod iddur ma tipparkjax. Fl-istess nifs li jingħad li rridu nnaqsu l-karozzi mit-toroq!
Irid ikun hemm liġijiet ċari u standards ċari u komunikati u l-liġijiet iridu jkunu prattiċi.Il-multi amministrattivi għandhom isiru kontravenzjonijiet, appellabbli quddiem it-tribunali lokali.
Il-minibuses u l-oaches għandu jkollhom post organizzat fejn jistennew lil min waslu, speċjalment f’postijiet turistiċi magħrufa, mhux nippretendu li dawn joqgħodu ġejjin u sejrin lejn il-garaxxijiet tagħhom u nżidu t-traffiku fit-toroq.
L-ewwel ħaġa li għandu jagħmel il-Gvern hui li jara li l-loading u unloading bays tal-lukandi, fejn dawn suppost jistgħu jieqfu jniżżlu u jtellgħu n-nies, ma jkunux okkupati, mhux tliet kwarti minnhom illum mimlijin bit-tables and chairs li dal-Gvern ħalli jimlew kullimkien, bil-konsegwenza li dawn spiċċaw jieqfu fin-nofs mhux b’għażla tagħhom imma sfurzati minn politika bla viżjoni.
Jekk irid veru jnaddaf il-ħażin, l-ewwel ħaġa li għandu jagħmel, hija li l-pjattaformi li jipprovdu dan is-servizz, għandhom ikunu obbligati jixxerjaw id-data real-time tagħhom mal-awtoritajiet regolatorji mal-Pulizija u ma’ Transport Malta.
Din twassal biex jinqatgħu ħafna mill-abbużi. Daqshekk ikun hemm xufiera li jaħdmu xi 16-il siegħa, tmien siegħat fuq pjattaforma, imbagħad x’ħin jaqbżu l-ħin jibdew fuq pjattaforma oħra – li tfisser ukoll aktar serħan il-moħħ u sigurta għal min juża s-servizz.
Għandu jinqata’ ċertu sfruttament ta’ ħaddiema għax min jabbuża, jista’ faċilment jitwaqqaf mill-pjattaformi kollha. Ikun ħafna iżjed faċli li jiġu mrażżna abbużi ta’ evażjoni ta’ taxxa, prekarjat, u anke ħasil ta’ flus, sostna d-deputat Nazzjonalista.
//= $special ?>