Basketball Sport

U19: Luxol Bolt jerbħu l-kampjonat wara rimonta fl-aħħar taqsima…

(Ritratt: Elton Sant)

Colin Schembri

Starlites 54

Luxol Bolt 61

(13-18)(21-10)(16-17)(4-16)

Luxol Bolt rebħu l-kampjonat St. James Hospital ta’ taħt id-dsatax -il sena meta fit-tielet finali għelbu lil Starlites 61-54. Il-players ta’ Luxol taħt it-tmexxija ta’ Ruben Dalli wettqu rimonta mill-aqwa fl-aħħar taqsima li rathom jirkupraw distakk ta’ seba punti biex rebħu l-partita. Starlites kienu fuq quddiem għal aktar minn nofs il-logħba, iżda Luxol kienu iktar organizzati u effettivi fl-aħħar taqsima biex għamlu d-differenza. Luxol bdew tajjeb fl-ewwel sessjoni u ħadu vantaġġ bikri grazzi għal punti ta’ Eric Fenech Pace u Gregory Mizzi.Starlites wieġbu bi trippla ta’ Kai Fabri u oħra ta’ Mattjew Micallef. Luxol wieġbu bi break ta’ 8-1 b’punti minn Fenech Pace u Nikolai Sammit biex temmew l-ewwel taqsima fuq quddiem 18-13. Fit-tieni sessjoni Luxol fetħu b’żewġ trippli minn Mizzi u kabbru l-vantaġġ għal 11 -il punt 24-13. Hawn però Starlites għamlu l-aqwa wirja tagħhom fil-partita meta għaqqdu run qawwija ta’ 18-2. Huma kellhom fost l-oħrajn trippla minn Luke Attard flimkien ma’ diversi punti minn Aleks Sultana u Micallef biex daħlu jistrieħu 34-28 minn fuq.

Wara l-intervall, Starlites kabbru l-vantaġġ għal 11 -il punt 39-28. Minkejja li Luxol kellhom risposta minn Mizzi u Mark Iloube, Starlites dehru fil-kontroll tal-partita fosthom bi trippla oħra ta’ Attard li ħalliethom 11 minn fuq 48-37. Hawn Luxol kellhom erba’ baskets minn Cinar Cog u Mizzi biex naqqsu d-distakk għal 5 punti 50-45.  Fl-aħħar sessjoni, Starlites bdew b’basket minn Dimech però Luxol reġgħu ġew viċin wara punti minn Fenech Pace u Mizzi. F’nofs is-sessjoni kien hemm l-aħħar basket ta’ Starlites minn Dimech. Minn hemm ‘l quddiem kienu Luxol biss li għamlu l-punti speċjalment minn Mizzi u Cog biex ħallew lil Starlites mingħajr punti u minkejja li dawn tal-aħħar kienu fuq quddiem għal aktar minn nofs il-logħba, Luxol kienu iktar organizzati u effettivi fl-aħħar taqsima biex għamlu d-differenza u ħarġu rebbieħa 61-64. Fi tmiem il-partita, l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew ta’ Champions lil captain ta’ Luxol Cinar Cog.

Starlites: M. Micallef 12, J. Dumford, N. Formosa, L. Attard 11, K. Fabri 9, S. Ransley, Z. Said Hollier, L. Tarantino, A. Zammit, G. Camilleri, A. Sultana 11, JJ Dimech 11.

Luxol Bolt: J. Gambin, C. Cog 13, M. Iloube 5, a. Curmi, K . Micallef, G. Mizzi 24, T. Rietvelt, J. England, A. Ivanovski, A. Ortiz, E. Fenech Pace 9, N. Sammut 10.

Referees: Gordon Barbara, Miguel De Flavia, Wendell Lim.