Internazzjonali Lokali

Żgħażagħ mill-Mediterran jiltaqgħu f’Malta għal djalogu fuq in-nisa fil-Mediterran

Żgħażagħ minn 14‑il pajjiż differenti tal‑Mediterran iltaqgħu f’Malta għal erbat ijiem bħala parti mill‑proġett MED25 – Bel Espoir, inizjattiva żagħżugħa ispirata mis‑sejħa tal‑Papa Franġisku sabiex il‑Baħar il‑Mediterran ma jkunx ostaklu iżda pont ta’ djalogu, laqgħa u paċi.

L-attivitajiet f’Malta kienu l-bidu tat-tielet waqfa tal-proġett MED25, u t-tema magħżula kienet “In-Nisa fil-Mediterran”. Matul il‑jiem f’Malta, il‑parteċipanti esploraw ir‑rikkezza tal‑identità kulturali u spiritwali tal‑Gżejjer Maltin permezz ta’ żjarat f’postijiet sagri bħalma huma s‑Santwarju tal‑Madonna tal‑Mellieħa, il‑Konkatidral ta’ San Ġwann u anke l-istrutturi megalitiċi ta’ Ħaġar Qim u l‑Imnajdra. Dawn il‑postijiet offrew għarfien fuq kif l‑arti, siti sagri u s‑simboliżmi ffurmaw il‑kultura Maltija u kif ukoll il‑wirt reliġjuż Mediterranju, fid-dawl tat-tema magħżula.

Il-parteċipanti huma mill-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, l-Eġittu, il-Libanu, il-Palestina, il-Bożnija, ir-Rumanija, is-Sirja, il-Ġeorġja, Franza, Spanja, l-Italja u Malta.

Iż‑żgħażagħ  ipparteċipaw f’quddiesa mmexxija mill‑Isqof Galea‑Curmi, fejn qraw it‑talb tal‑komunità bil‑lingwi tagħhom. Hekk kif kull wieħed u waħda mill‑parteċipanti għandhom l‑istejjer uniċi tagħhom ta’ reżiljenza u xhieda, l‑Isqof iddeskrivihom bħala “paġni ħajjin tal‑Evanġelju li għadu qed jinkiteb”.

Il‑qofol taż‑żjara ntlaħaq b’konferenza nazzjonali bl‑isem ta’ In‑Nisa fil‑Mediterran li ffukat fuq ir‑rwol tan‑nisa fir‑reġjun, b’mod partikolari fil‑kuntest tal‑migrazzjoni, il‑kunflitt u l‑bidla fil‑kultura matul is‑snin.

It‑tliet kelliema ewlenin tal‑konferenza kienu: Daniela Debono, li permezz ta’ stejjer veri ta’ nisa Mediterranji u riċerka etnografika esplorat id‑dimensjonijiet umanitarji u politiċi tal‑migrazzjoni fil‑Mediterran; Marcelle Bugre Zanya, li eżaminat it‑taqbid tal‑identità ffurmat minn ħakmiet kolonjali u pressjonijiet interni u esterni fuq in‑nisa; u Maria Brown, li analizzat il‑kultura tas‑silenzju b’enfasi fuq il‑vjolenza domestika u ħeġġet lis‑soċjetà għal impenn kreattiv bħala mezz ta’ fejqan u emanċipazzjoni lin‑nisa.

Fl‑indirizzi tagħhom fil‑konferenza In‑Nisa fil‑Mediterran, l‑Arċisqof Charles Scicluna u l‑President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono enfasizzaw il‑ħtieġa urġenti ta’ għaqda, dinjità u tama fir‑reġjun tal‑Mediterran.

L‑Arċisqof Scicluna rrifletta fuq il‑wirt spiritwali ta’ Malta, filwaqt li rrefera għas‑sinifikat profond tal‑isem ‘Malta’ bħala ‘port sigur’ u ‘gżira tal‑għasel’, li jfakkru fil‑kenn u fl‑ospitalità, fil‑bżulija u fil‑ħlewwa tal‑karattru Malti. L‑Arċisqof semma kif is-santwarji, il-knejjes u l-istatwi ddedikati lill-Madonna f’Malta jkomplu jixhdu l-qawwa tal-preżenza femminili li sservi ta’ pont mad-divinità.

Il‑President Spiteri Debono ddeskriviet il‑Mediterran kemm bħala l‑benniena taċ‑ċivilizzazzjoni kif ukoll bħala post ta’ tbatija, partikolarment għan‑nisa. Hija faħħret it‑tmexxija tan‑nisa f’oqsma bħall‑edukazzjoni u l‑bini tal‑paċi, filwaqt li qajmet tħassib dwar iż‑żieda fil‑vjolenza domestika u l‑feminiċidji. Appellat sabiex l‑istejjer ta’ nisa msikkta jingħaqdu mal‑għarfien akkademiku sabiex jinbena futur aktar inklussiv u kompassjonali għan‑nisa.

Matul il‑konferenza, l‑NGO Inizjamed ġabet dimensjoni letterarja lill‑konferenza permezz ta’ qari ta’ poeżiji minn poeti nisa Maltin. Dan il‑kontribut ġedded l‑espressjoni artistika f’Malta permezz ta’ għarfien aktar profond tal-vuċijiet differenti li jeżistu f’Malta u fil‑Mediterran.

Il-konferenza kompliet b’ħidma fi gruppi żgħar fejn il-parteċipanti kollha kellhom iċ-ċans jitkellmu mill-esperjenza tagħhom fuq it-temi magħżula. Dan l-eżerċizzju ta’ smigħ u djalogu huwa inizjattiva li se jitkompla minn MELA, proġett tad‑Delegat Episkopali ghall‑Evangelizzazzjoni b’kollaborazzjoni mal-Koordinatur tal-Preżenza Djoċesana fil-Mediterran, bil-għan li tiftaħ spazji ta’ djalogu li jrawmu kultura ta’ laqgħa, fraternità u rikonċiljazzjoni lejn il-paċi.

Il‑konferenza ntemmet b’serata fejn il‑parteċipanti internazzjonali kellhom l‑opportunità jintegraw u jitkellmu mal‑Maltin.

Il-konferenza In-Nisa fil-Mediterran, li saret f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, ittellgħet minn MED25, f’Malta b’kollaborazzjoni ma’ MELA.

Matul l‑erbat ijiem li żaru Malta, iż‑żgħażagħ kellhom ukoll laqgħa interreliġjuża mal‑Imam Mohammed Elsadi fil‑Moskea Mariam Al‑Batool, iffukata fuq il‑bżonn għall‑paċi u l‑ftehim reċiproku fost il‑kulturi u r‑reliġjonijiet differenti f’dan ir‑reġjun.

Malta kienet waħda mill‑postijiet li ż‑żgħażagħ se jżuru matul it‑tmien xhur ta’ vjaġġ tax‑xini Bel Espoir fil‑Mediterran. Bħalissa l‑grupp jinsab fi triqtu lejn Kreta fil‑Greċja, sabiex ikompli dan il‑vjaġġ ta’ paċi, għaqda, laqgħa u tama fl‑ispirtu tal‑Papa Franġisku.