Raġel ta’ 55 sena mir-Rabat, Għawdex, ġie kkundannat 12-il sena ħabs wara ammetta minflok għadda ġuri li fl-2015 stupra u molesta sesswalment liż-żewġt ibniet tas-sieħba tiegħu, li fiż-żmien tal-aggressjoni kellhom 15-il sena u tmien snin rispettivament.
Ir-raġel kien akkużat ukoll li stupra lil bintu stess, madankollu t-tifla ta’ 13-il sena, aktar tard irtirat ir-rapport tagħha, u dan ġie aċċettat mill-Qorti preseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras. Il-Pulizija bdiet tinvestiga lir-raġel wara li żewġt ibniet ħbieb tat-tifla ta’ 13-il sena marru jagħmlu rapport l-għassa li l-ħabiba tagħhom kienet ġiet stuprata minn missierha.
Il-Pulizija, bl-għajnuna tas-social workers, bdiet tinvestiga u kellmu lit-tifla ta’ 13-il sena fejn qalet li ġiet stuprata minnu f’żewġ okkażjonijiet. It-tifla qalet lill-Pulizija li kienet fuq is-sufan meta resaq lejha u beda jmissha u għalkemm qaltlu biex jieqaf ordnalha tagħlaq ħalqha u ma tgħajjatx waqt li kellu x’jaqsam magħha.
Qalet ukoll li kien hemm episodju ieħor qabel fejn kienet fuq is-sufan tilgħab bit-tablet meta stupraha u bit-trawma marret f’kamritha u qatgħet il-polz bix-xafra. It-tifla ta’ 15-il sena u dik ta’ tmien snin ukoll irrakkuntaw lill-Pulizija kif ġew stuprati mis-sieħeb ta’ ommhom fid-dar fejn iż-żgħira qalet li marret tistaħba taħt is-sodda imma ħariġha u stupraha fejn intilfet minn sensiha.
Wara li tressaq fil-Qorti huwa ammetta għall-akkużi ta’ stupru fil-konfront tat-tlett ibniet, il-prosekuzzjoni u d-difiża qablu ma’ piena ta’ 12-il sena ħabs, f’każ li fil-Qorti jissejjaħ patteġament. Peress li t-tifla ta’ 13-il sena baqgħet tinsisti li twaqqa’ l-każ, għax qalet li kien hu li għamel mezz li tkun tifla sew u b’saħħitha u li ma jiġrilha xejn.
Il-Qorti filwaqt li qieset ir-reati serji li kkommetta l-akkużat anke jekk huwa ammetta qabel ma sar il-ġuri, qieset il-fatt tal-ħsara psikoloġika li saret fuq il-vittmi minn persuna li messha taf aħjar. Qieset ukoll in-natura ferm serja tar-reati odjerni, u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, ossia illi l-akkużat ikkommetta stupru u reati konsegwenzjali fuq il-persuna ta’ żewġ minuri, f’żewġ okkażjonijiet separati, biċ-ċirkostanzi
aggravanti kollha, f’żewġ okkażjonijiet separati.
L-Imħallef Galea Sciberras laqgħet it-talba tagħha imma reġgħet staqsiet lid-difiża jekk kinitx se tibqa’ tinsisti fuq piena ta’ 12-il sena ħabs. Wara li r-raġel u d-difiiża iddikjaraw li kienu qed jaqblu ma’ din il-piena, l-Imħallef ikkundannat lir-raġel 12-il sena ħabs u ordnatlu jħallas €1,022 tal-espeti mqabbdin fil-każ.
L-akkużat kien assistit mill-Avukati Jose Herrera, Alex Scerri Herrera u Charlon Gouder. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Jurgen Dalli u Daniel Tabone.