Ir-Red Arrows tar-Royal Air Force Britannika se jirritornaw f’pajjiżna għat-28 edizzjoni tal-Airshow Internazzjonali ta’ Malta.
L-Airshow se jkun qed jiġi organizzat bejn is-Sibt 27 u l-Ħadd 28 ta’ Settembru – avveniment organizzat mill-Malta Aviation Society.
Jispikka ċertament se jkun il-fatt li bħala membru fit-tim tar-Red Arrows se jkun hemm Graeme Muscat, Squadron Leader ta’ dixxendenza Maltija.
Il-wirja fl-ajru se ssir tul il-kosta ta’ San Pawl il-Baħar, bil-wirja statika se tkun qed tiġi organizzata fis-Safi Aviation Park, kif ukoll fil-parti tal-mitjar tal-EasyJet Engineering.
Għal din l-edizzjoni apparti r-Red Arrows, mistennija jkun hemm il-parteċipazzjoni tal-Air Force Ġermaniża, kif ukoll in-Navy Spanjola u n-Navy tal-Ġermanja.
