L-Erbgħa tnediet il-Konsultazzjoni Pubblika dwar l-Ewtanasja Volontarja Assistita – konsultazzjoni pubblika li ser tieħu 8 ġimgħat u li għandha tara t-tmiem tagħha nhar it-2 ta’ Lulju.
Mal-konsultazzjoni pubblika ġew ippubblikati sett ta’ prinċipji. Dawn il-prinċipji jindikaw kif it-talba għall-ewtanasja volontarja assistita tista’ ssir biss bir-rieda libera tal-persuna li tkun qiegħda tbati minn marda terminali rriversabbli li tissodisfa numru ta’ kriterji.
Fost dawn il-krtierji hemm li l-pazjent irid ikollu 18-il sena jew aktar u jrid ikun ilu residenti Malta minn tal-inqas 12-il xahar – bil-għan li l-ewtanasja ma ssirx kummerċjali.
Il-Gvern qed jgħid illi sabiex pazjent jikkwalilika għall-ewtanasja volontarja assistita jinħtieġ li jkollu ċertifikat mill-ispeċjalista tal-branka medika tal-marda tiegħu li juri li l-marda ser ittemmlu ħajtu fi żmien 6 xhur.
Sabiex ikun hemm proċess regolarjat ser jinħatar bord b’membri mill-qasam kemm mediku, kif ukoll legali li ser isegwu l-proċess kollu, li fi żmien ta’ mhux aktar minn ġimagħtejn għandhom jagħtu d-deċiżjoni tagħhom. Il-pazjent fi kwalunkwe mument tal-proċess, għandu kull dritt li jbiddel fehmtu u jerġa’ lura mid-deċiżjoni tiegħu.
Il-proċedura tal-ewtanasja tista’ ssir biss fi sptar tal-gvern jew fir-residenza privata tal-pazjent skont ix-xewqa tiegħu – u trid issir dejjem fi preżenza ta’ professjonist mediku li jassisti lill-pazjent. Huwa l-pazjent stess li jwettaq il-proċedura finali li twassal għat-tmiem ta’ ħajtu. Bil-mewta permezz tal-ewtanasja volontarja tkun meqjusa bħala mewta naturali.
Fost il-prinċipji proposti hemm kif ħadd, lanqas it-tim mediku m’għandu jipproponi jew b’xi mod jippressa lill-pazjent għall-ewtanasja volontarja assistita. Jekk dan ikun il-każ, jirriżulta bħala reat kriminali u jittieħdu passi skont il-liġi.
Il-professjonista mediku jista’ jirrifjuta li jieħu sehem f’kull stadju tal-proċess li jwassal għall-ewtanasja volontarja assistita – waqt li huwa fl-obbligu li jirrispetta x-xewqa tal-pazjent.
Fit-testment mediku jekk issir talba għall-ewtanasja volontarja assistita – din ma tistax issir sakemm il-pazjent ma jkunx issodisfa l-kriterji tal-eleġibbiltà – ċioe li jiġi ċċertifikat li mhux mistenni jgħix aktar minn sitt xhur, ikun ta’ aktar minn 18-il sena, ikun residenti f’Malta għal aktar minn 12-il xahar, u jkollu żewġ ċertifikat addizzjonali minn professjonisti mediċi; wieħed minnhom ikun ta’ psikjatra li juri li l-persuna għandha l-kapaċità mentali li tieħu d-deċiżjoni.
Nies li għandhom problemi tas-saħħa, diżabbiltà jew kundizzjonijiet mediċi li spiss huma assoċjati mal-anzjanità bħalma hi d-dimensja ma jikkwalifikawx għall-ewtanasja volontarja assistita.
Il-prinċipji u l-kriterji mressqa mill-gvern huma hemm għad-diskussjoni pubblika miftuħa għat-8 ġimgħat li ġejjin.