L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), jew min hu responsabbli, ma toħroġx multi talli ma jitbattlux il-Bring in Sites u ma jitneħħiex skart akkumulat jew multi għaliex dawn il-postijiet ma jinżammux nodfa.
Fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg, il-Ministru Miriam Dalli qalet li dawn il-postijiet huma sorveljati minn CCTV cameras u allura min jinqabad jabbuża jista’ jiġi mmultat mill-entità li tissorvelja l-filmati.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika kkonfermat li l-arranġamenti għal manutenzjoni u tindif ta’ recycling points (Bring-In-Sites) huma suġġetti għal arranġamenti privati jew kummerċjali speċifiċi bejn il-Kunsilli Lokali rispettivi u l-Iskemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur.
Għal mistoqsija oħra tad-Deputat Nazzjonalista, l-istess Ministru ma weġbitx jekk il-kunsilli lokali humiex mistennija jġorru (kif qed jagħmlu), spejjeż addizzjonali minn fondi pubbliċi biex inaddfu wara l-Iskemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur li mis-siti ta’ ġbir ta’ skart għandhom benefiċċji pekunjarji.
Il-Ministru Dalli wieġbet biss li r-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.
//= $special ?>