Id-difensur leġġendarju Brażiljan Maicon Douglas Sisenando se jkun qiegħed f’pajjiżna fil-ġranet li ġejjien bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-għaxar sena anniversarju tal-Inter Supporters Club of Gozo.
Maicon kien plejer strumentali fit-tim storiku tal-2010 li rebaħ it-tripletta taħt il-kowċ Josè Mourinho.
Din iż-żjara ġejja fi żmien perfett, hekk kif Inter għadhom kif għelbu lil Barcelona fis-semifinali tal-UEFA Champions League, biex saru l-ewwel finalisti għal din is-sena, konfront simili ntlagħab propju fl-2010, fejn Inter għelbu lil Barcelona fil-Giuseppe Meazza bl-iskor ta’ 3-1, bi propju Maicon ikun wieħed mill-iskorers għan-Nerazzuri.
Flimkien ma’ Maicon se tattendi wkoll iċ-ċelebrazzjonijiet Stefania Marchionna, li żammet it-titlu onorarju ta’ la madrina dell’Inter fl-2021.
Il-President tal-Gozo Inter Club Joe Bajada ħabbar dan l-avveniment u qal li se jkun ta’ unur kbir li plejer ta’ dan il-kalibru se jżur lill-pajjiżna f’din l-okkażjoni tal-10 anniversarju.
Il-qofol ta’ din il-ġimgħa mimlija attivitajiet tintlaħaq fil-Gala Dinner is-Sibt 10 ta’ Mejju fil-Grand Hotel, l-Imġarr Għawdex, li mistennija tibda fis-7:30pm. Apparti l-ikla, Maicon se jkollu wkoll sessjoni ta’ taħriġ mal-plejers ta’ taħt it-13-il sena ta’ Għawdex fil-Gozo Stadium, fejn bosta plejers se jkollhom l-opportunità unika li jesperjenzaw sessjoni taħriġ ma’ wieħed mill-iktar difensuri leġġendarji tal-futbol.
Il-President tal-Inter Club Gozo, Joe Bajada, esprima ringrazjament lejn Visit Gozo, Visit Malta, the Grand Hotel u Gozo Frank Travel.

Maicon qatta’ l-maġġoranza tal-karriera tiegħu ma’ Inter hekk kif ingħaqad mal-klabb fl-2006, u telaq fl-2012. Huwa lagħab 248 darba għan-Nerazzuri, skorja 20 gowl u pprovda 51 assist.
F’dawk is-sitt snin, Maicon rebaħ is-Serie A erba’ darbiet, il-Coppa Italia darbtejn u s-Supercoppa Italiana tliet darbiet. Apparti minn hekk kif parti mit-tim li rebaħ it-tripletta leġġendarja tal-2010, bin-Nerazzuri jegħlbu lil Bayern Munich fil-finali tal-UCL. Dik is-sena n-Nerazzuri rebħu wkoll il-FIFA Club World Cup.
Mat-tim nazzjonali Brażiljan huwa rebaħ il-Copa America fl-2004 u 2007, u l-FIFA Confederations Cup fl-2005 u l-2009.
Huwa ġie mdaħħal fl-Inter Hall of Fame fl-2022. Maicon rebaħ bosta unuri individwali oħra, fosthom meta ġie msemmi bħala l-UEFA Club Defender of the Year għall-istaġun 2009-2010. Huwa kien inkluż ukoll fl-ESM Team of the Year fl-2009 u 2010, fil-2010 FIFA World Cup Dream Team fl-2010, fil-FIFA FIFPro World XI fl-2010 kif ukoll fil-CONCAF Gold Cup Best XI fl-2003.
Maicon lagħab ukoll ma’ bosta klabbs kbar fil-karriera tiegħu, fosthom Manchester City, Roma, Monaco u Cruzerio fost l-oħrajn.
