Lokali Qorti

Il-ġurati murija ritratti makabri tal-Avukat Carmel Chircop

Meta l-Erbgħa filgħodu kompla l-ġuri b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chicop il-ġurati ntwerew fuq il-monitor tal-awla 22 tal-Qorti ritratti makabri fil-kamra mortwarja tal-isptar Mater Dei tal-Avukat Carmel Chircop.

Dan hekk kif t-tabib espert tal-Qorti kkonferma li l-Avukat sofra minn erba’ tiri li tnejn minnhom baqgħu fil-ġisem u żewġ tiri oħra li ntlaqat bihom kellhom dak li jissejjħu ‘exit wounds. Il-ġisem tal-Avukat Chircop kien kollu dmija speċjalment fuq in-naħa tas-sider li mir-ritratti deher li kienet fetħet sew.

Dan ħareġ fil-ġuri ta’ erba’ rġiel akkużati bl-involviment fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-avukat Carmel Chircop, liema ġuri daħal fit-12-il ġurnata tiegħu. L-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Tal-Maksar, flimkien ma’ Jamie Vella u George qed jiġu valutati minn ġurija ta’ disa’ persuni magħmula minn sitt irġiel u tliet nisa, fi proċess li għandu jisma’ iktar xhieda ta’ profil għoli, inkluż eks ministru.

L-akkużati qed jiffaċċjaw sentenza ta’ għomor il-ħabs jekk jinstabu ħatja. Robert Agius u Vella huma akkużati li allegatament ipprovdew il-bomba użata biex qatlet lil Daphne Caruana Galizia f’Ottubru 2017. Degiorgio, flimkien ma’ ħuh Alfred, diġà qed jiskonta sentenza ta’ 40 sena ħabs wara li ammetta li poġġa l-bomba taħt il-karozza ta’ Caruana Galizia u li attivaha barra d-dar tal-ġurnalista fil-Bidnija.

Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk ta’ Ottubru 2015 fuq l-avukat Carmel Chircop, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio. L-erba’ rġiel kollha jiċħdu l-akkużi.

It-tabib espert tal-Qorti Mario Scerri qal li għamel ix-xogħol fuq l-inkarigu mogħti lilu dwar il-mewt tal-Avukat Carmel Chircop fit-8 ta’ Ottubru 2015. Huwa eżaminah fil-post fejn inqatel, fil-kamra mortwarja u kien preżenti waqt l-awtopsja.

Huwa qal li mar fuq il-post fid-8.40am. fejn hemm kien hemm diversi uffiċjali għolja tal-Pulizija. Tenna li fil-garaxx quddiem Mercedes kien hemm katavru wiċċu ‘l fuq. Ħadu ħsieb biex l-evidenza ma tiġix kontaminata. L-Avukat Chircop kellu għajnejh u ħalqu mbexxqin.

Ma kien hemm l-ebda element ta’ faga li huwa nuqqas ta’ ossiġnu imma dan mhux il-każ. Id-driegħ tal-lemin kien lura ‘l barra u mdaħħal il-ġewwa. Id-driegħ kien qed iserraħ ma’ l-art, terz minnhom kien ma’ sidru. Il-pala ta’ jdejh il-leminija kienet magħluqa anke s-swaba tal-istess id il-leminija kienu magħluqin.

Fir-rigward tad-driegħ tax-xellug dan kien lura u l-barra, l-aspett laterali ta’ dan id-driegħ kien qed iserraħ fuq briefcase. L-id ix-xellugija kienet magħluqa u kienet qed iżomm il-briefcase. F’din l-id kellu wkoll arloġġ tal-idejn. Dahru kien lejn ix-xellug u fejn il-katavru kien hemm brazuletta.

Ma’ l-art kien hemm ukoll telefown ċellulari. Kien hemm ukoll tiċpis tad-demm fuq il-lemin tal-qmis kemm fil-ġembejn kif ukoll mad-dahar. Ir-riġel tal-lemin kien lura u l-ġewwa. Il-qasba tas-sid il-leminuha kienet estiża fil-ġog tal-irkoppa, bl-aspett posterjuri iseraħħ ma’ l-art u mal-garaxx.

Ir-riġel tax-xellug kienet il-quddiem imma l-barra u l-aspett posterjiuri jserraħ ma’ l-art. Il-pala tas-sieq ix-xellugija sserraħ ukoll ma’ l-art. Il-katavru wara ġie mdawwar wiċċu l-isfel u kellu ħafna demm. Fuq il-bumper tal-karozza kien jidher li kien ġie sparat xi tir.

Wara siegħa mill-mewt il-muskoli jibdew jibbiesu u l-ewwel ma jibbies huwa l-wiċċ u l-idejn u wara jibda jibbies il-ġisem kollu fejn dan jieħu xi sagħtejn. Il-katavru mbagħad ittieħed lejn il-kamra mortwarja. Hawn kien ġie eżaminat f’aktar dettal.

Kellu diversi leżjonijiet minn tiri sparati minn arma tan-nar. Il-ġurati bdew jintwerew permezz ta’ ritratti fuq il-monitor il-katavru fil-kamra mortwarja bit-tiri li daħlu fil-ġisem fosthom fis-sider u l-feriti inqas viżibbli li jissejġu ‘exit wounds’. Dehru wkoll feriti tad-dahar waħda minnhom leżjoni tawwalija. Kien hemm leżjoni wkoll l-isfel mill-warrani tal-vittma.

Il-ġurati ntwerew ukoll leżjoni fuq in-naħa tal-lemin tad-dahar. Il-ġurati kienu murija balla fis-sider li ma ħarġitx mill-ġisem u dan huwa iktar ta’ inkwiet. Ir-ritratti ta’ din il-balla kienu ta’ xokk kbir għal kull minn rahom fl-awla bil-balla tidher li fetħet parti sew mis-sider b’ħafna dmija viżibbli.

Wara telgħu fuq il-pedana tax-xhieda Maria Theresa Camilleri Podesta u Ali Safraz. Huma ġew maħtura mill-Maġistrat inkwirenti biex jagħmlu eżami post mortem fuq il-katavru tal-avukat Carmel Chircop. Camilleri spjegat d-diversi feriti u feriti misjuba fuq il-ġisem fejn kien ikkonfermat l-eżami ta’ Mario Scerri. Hija ċċarat li, qabel mewtu, l-avukat kien f’saħħtu u ma kienx ipejjep.

Keith Cutajar, espert tal-IT tal-qorti xehed dwar traskrizzjonijiet li ngħataw minn Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, u kif naddaf id-data biex inżamm biss dak li hu rilevanti għall-investigazzjoni. Xehed ukoll fuq filmati CCTV relatati mal-każ ta’ Daphne Caruana Galizia. Fis-sessjoni ta’ wara nofs inhar għal xi ħin konsiderevoli kien qed jiġi diskuss punt ta’ liġi mit-timijiet legali.

Kevin Ellul żamm diversi kontijiet tal-midja li kienu fake


Cutajar kompla bix-xhieda tiegħu fejn qal li kien intalab janalizza mowbajl u jiġbed data minnu. Dan il-mowbajl kien ta’ Kevin Ellul. Skont Cutajar, fuq il-mobajl ġew irreġistrati diversi kontijiet fake tal-midja soċjali. Wieħed mill-psewdonimi magħżula tiegħu kien Brian Borg.

Ix-xhud estratta ukoll il-lista tal-kuntatti u l-ħbieb mill-mowbajl. Cutajar kien inkarigat ukoll li jiġbed filmati mis-sistema tas-CCTV fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-filmati li ġibed juru l-pjan terran tal-ħabs.

Ix-xhud ta’ wara kien ġie inkarigat mill-qorti biex jagħmel valutazzjoni tal-karozzi li nstabu għand l-akkużati. Għal Jamie Vella, il-valutazzjoni sħiħa tal-erba’ karozziMercedes, Volvo, Citroen u BMW li nstabu fil-pussess tiegħu kienet ta’ bejn €84,000 u €90,000. Għal Adrian Agius, il-karozza li nstabet fil-pussess tiegħu kienet stmata €11,000.

Wara xehed uffiċjal mid-Direttorat tal-Merkanzija Marittima. Huwa qal lill-qorti li Alfred Degiorgio kien iddikjara lilu nnifsu bħala s-sid tad-dgħajsa ‘Maya’, li ġiet ikkonfiskata waqt rejd fil-Marsa. Ix-xhud ikkonferma l-att tal-bejgħ tad-dgħajsa.

Wara dan, spettur tal-pulizija xehdet dwar l-armi rreġistrati f’isem Jamie Vella. Skont ix-xhud, huwa beda jħallas il-liċenzja tiegħu fl-2011 iżda waqaf fl-2017. Hija ippreżentat rapport lill-qorti dwar dawn id-dettalji u d-dati t’ meta xtara ċerti armi.

‘Meta se tagħti sehmek lura?’

Ex-maġġur tal-pulizija xehed li kien sema’ lil Carmel Chircop jgħajjat ​​fuq il-mobajl lil xi ħadd ġimgħa qabel il-qtil tiegħu, jgħidlu “Meta se tagħti semgħek lura?” u “Ilek ħafna tgħid dan il-kliem”. Il-maġġur qal li ma jafx ma’ min kien qed ikellem l-avukat li spiċċa vittma.

Waqt l-interrogazzjoni, ix-xhud qal li kien sellem u tbissem lil Chircop meta dan qata’ t-telefonata. Huwa kien jaf lil Chircop u kien jaf li kien avukat. Wieħed mill-avukati tad-difiża staqsa: “Taf li kien jinvesti fil-proprjetà u kien negozjatur?”. Ix-xhud jgħid li ma kienx jaf dan. “Kulma naf dwar Chircop diġà għedtu.”

Ix-xhud jgħid li għadda din l-informazzjoni lil spettur femminili iżda ma jafx x’għamlet b’din l-informazzjoni. Il-ġuri jkompli l-Ħamis filgħodu.

L-Imħallef Edwina Grima qed tippresiedi l-ġuri. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella. Jamie Vella qed jiġi assistit mill-avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia. Robert Agius qed jiġi assistit mill-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin.

Adrian Agius qed jiġi rappreżentat mill-avukat Nicholas Mifsud. George Degiorgio qed jiġi assistit mill-avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri. Il-familja Caruana Galizia hija rappreżentata mill-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia. Il-familja Chircop hija rappreżentata mill-avukat Vincent Galea.