Lokali

“Il-pajjiż għandu bżonn gvern li jippjana, mhux gvern li jbażwar” – Il-PN

Gvern ġdid Nazzjonalista joħloq sistema tal-ippjanar ċara u ġusta

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jagħti prijorità lil-legalizzazzjoni tal-iżvilupp illegali minflok il-ħarsien tal-ambjent u l-ippjanar serju.

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Ministers Rebekah Borg u Stanley Zammit, intqal li waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, ħareġ ċar kif il-Gvern qed jimmanipula l-Pjanijiet Lokali biex jiġġustifika l-kruha urbanistika li ħoloq. Gvern li aktar ħsiebu kif se jaġevola l-abbuż u jillegalizza dak li hu illegali milli jipproteġi l-ambjent tal-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-mod kif l-Awtorità tal-Ippjanar saret “Awtorità tal-Permessi”, b’infurzar li ddgħajjef b’mod strateġiku u b’politika li tippermetti l-legalizzazzjoni tal-illegalitajiet, anke f’zoni fejn l-iżvilupp qabel ma kienx permess.

F’każijiet bħal ta’ Torri Gorgun fix-Xewkija Għawdex, il-Gvern għandu jfittex soluzzjonijiet prattiċi mingħajr ma jkun selettiv u mingħajr ma jinċentiva jew jinkoraġixxi l-illegalitajiet.

Ix-Shadow Ministers Rebekah Borg u Stanley Zammit sostnew li l-mod kif il-Gvern irid li jinbidlu diversi Pjanijiet Lokali biex jippermettu iktar żvilupp fuq art barra z-zona tal-iżvilupp (ODZ), inkluż il-bini ta’ pixxini, deckings u toilets f’zoni rurali huwa inaċċettabbli. Hija farsa li l-Awtorità tgħid li dan qed isir “biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-komunità, speċjalment meta l-Prim Ministru ripetutament wiegħed li se jipproteġi l-ODZ.

Il-Qrati diġà kkonfermaw li numru ta’ policies li ġew introdotti mill-Gvern bħar-Rural Policy and Design Guidance tal-2014, id-Development Control Design Policy, Guidance and Standards (DC15), u l-Annex 2 tal-2015, ħolqu konfużjoni fis-sistema tal-ippjanar. Minflok jirranġa dawn il-policies, il-Gvern qed ibiddel il-Pjanijiet Lokali biex ikompli jiffaċilita żvilupp fuq art ODZ.

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jappoġġja l-bidla fil-Pjan Lokali għal Ta’ Passi f’Għajnsielem Għawdex; proposta li toħloq spazju rikreattiv b’restrizzjonijiet fuq l-iżvilupp, u eżempju ta’ kif għandu jsir ippjanar b’sens komunitarju.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li kwalunkwe bidla fil-Pjanijiet Lokali għandha ssir b’mod olistiku, integrat u bbażat fuq studji ambjentali, soċjali u ekonomiċi. Gvern ġdid Nazzjonalista jwettaq riforma sħiħa tas-sistema tal-ippjanar, b’Awtorità tal-Ippjanar verament indipendenti li tpoġġi l-ġid komuni fuq quddiem nett.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-veru tibdil iseħħ biss billi nirranġaw l-iżbalji tal-passat, mhux billi nibnu fuqhom.