Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-aħbar tajba li l-Gvern se jdaħħal l-insulin pumps għall-persuni ta’ taħt it-18-il sena. L-Oppożizzjoni ilha tagħmel pressjoni biex dan is-servizz jiġi introdott mill-aktar fis possibbli bħalma diġà daħal f’diversi pajjiżi Ewropej.
Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lill-Għaqda Maltija kontra d-Dijabete li tul is-snin ma waqfitx bil-ħidma tagħha biex tagħmel pressjoni fuq il-Gvern biex itejjeb is-servizzi offruti u biex toffri l-assistenza lill-familji fejn hemm il-kundizzjoni tad-Dijabete.
Issa, il-Partit Nazzjonalista jistenna li pajjiżna jibda jipprepara għall-pass li jmiss. Wara li ssir ir-rollout għal dawk li għandhom inqas minn 18-il sena, is-servizz tal-pumps għandu jiġi estiż ukoll għal kull min għandu d-Dijabete Type 1 u għal dawk li għandhom tip ieħor ta’ Dijabete imma huma insulin-dependent.
Ir-riċerka turi li l-kontroll fuq id-Dijabete jwassal biex ikun hemm inqas kumplikazzjonijiet fl-għajnejn, fil-qalb, fil-kliewi u fin-nervituri. Dan ifisser inqas amputazzjonijiet (minuri u maġġuri) u kwalità ta’ ħajja aħjar.
Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jieħu din l-opportunità biex jappella lill-Gvern biex jinħatar Kumitat Parlamentari informali bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni li jkun jista’ jevalwa l-effett ta’ dawn l-iżviluppi fuq il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti u kif dawn ir-riżultati qed iħaffu mill-piż fuq is-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna.
//= $special ?>