Internazzjonali

Jingħata bidu għall-konklavi fil-Kappella Sistina

133 Kardinal minn madwar id-dinja jingħalqu fil-Kappella Sistina.

Preżentament il-Kardinali jinsabu magħluqin fil-Kappella Sistina hekk kif għaddej il-proċess tal-ewwel votazzjoni biex jintlaħaq Papa ġdid, Kap tal-Knisja Kattolika.


Matul il-jum tal-Erbgħa għajnejn id-dinja se jkunu fuq il-Kappella Sistina.

Dan hekk kif 133 Kardinal se jivvotaw għall-Kap il-ġdid tal-Knisja Kattolika.

Fil-Kappella Sistina l-vot isir b’mod sigriet, bil-vot tal-lum ikun wieħed biss. F’każ li jintgħażel Papa, joħroġ duħħan abjad miċ-ċumnija, f’każ li le, joħroġ duħħan iswed u jitkompla l-Konklavi l-Ħamis, bil-voti jkunu erbgħa kuljum sakemm jintgħażel Papa.

Malli l-Kardinali jivvotaw, il-vot jinħaraq. Tant huwa proċess sigriet, illi t-twieqi tal-Kappella Sistina huma mblukkati, filwaqt li saru tfittxijiet biex jaċċertaw li ma hemmx kameras u microphones moħbija, bil-mobile networks jiġu mblukkati wkoll.

Iżda biex jintgħażel Papa, x’għandu jsir? Biex jiġi elett il-Papa l-ġdid, dan jeħtieġlu maġġoranza ta’ żewġ terzi – jiġifieri tal-inqas 89 vot mill-133 kardinal.

Fl-10 tal-Erbgħa filgħodu il-kardinali bdew jipparteċipaw f’ċelebrazzjoni ta’ quddiesa magħrufa aħjar bħala l-‘Pro eligenda Romano Pontefice’ fil-Bażilika ta’ San Pietru ppreseduta mid-dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, Giovanni Battista Re. Aktar tard, għall-ħabta tal-16.45hrs se jkunu qed jieħdu sehem f’purċissjoni f’Via delle Fondamenta sal-Kappella Sistina.

L-ewwel daħna, ċioè l-unika waħda tal-lum, mistennija wara s-1800 ta’ filgħaxija.

Dan huwa l-bidu tal-konklavi sabiex jintgħażel is-suċċessur ta’ San Pietru, jew aħjar bil-Latin ‘cum clave‘ li tfisser magħluq b’ċavetta.