minn Charles Buttigieg
Il-Konklavi huma mument importanti ħafna fil-ħajja tal-Knisja. Biex wieħed jifhem, fil-profondità tagħha, l-importanza tal-Konklavi u l-għażla ta’ Papa ġdid, wieħed irid iżomm quddiem għajnejh dak li Ġesù qal lil Pietru: “Jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (MT 16:18).
Il-fatt li għal Ġesù, Pietru, u s-suċċessuri ta’ Pietru, huma l-blata li fuqha hu ried jibni l-Knisja tiegħu, juri li s-Siġġu ta’ Pietru, li hemm jistenna lill-Papa l-ġdid, isib l-oriġini u l-qawwa tiegħu mhux f’assikurazzjonijiet umani, imma fi Kristu nnifsu, il-ġebla tax-xewka.
Il-Papa jrid ikompli fuq il-passi tar-Ragħaj it-Tajjeb. Irid ikun immexxi dejjem mid-dinamiżmu tal-misteru paskali tiegħu, b’għarfien sħiħ li l-għeruq tal-ministeru tiegħu jinsabu fl-impenn ta’ Pietru u s-suċċessuri tiegħu li jimxu dejjem f’konformità ma’ dak li għallem u ried ir-Ragħaj it-Tajjeb, impenn magħġun ma’ kariżma speċjali ta’ mħabba.
Il-Konklavi fl-istess ħin se jsiru fi żmien ta’ sfidi dejjem akbar. Kemm għan-nisrani li jrid jimxi tassew wara Ġesù, kif ukoll għall-umanità kollha kemm hi.
It-triq li uriena Franġisku
F’intervista li saritlu dakinhar li miet il-Papa Franġisku, il-Kardinal Taljan Matteo Zuppi qal li Franġisku uriena kif għandna nsegwu t-triq ta’ Ġesù.
Tisma’ definizzjoni bħal din dwar Papa li, fi kliemu, ġie “minn tarf id-dinja”, mingħajr ma trid tħoss ix-xewqa li s-suċċessur tiegħu jkompli jibni fuq il-legat tiegħu.
Tkun tixtieq tara, ngħidu aħna, Papa fabbli u umli. b’imgħoddi ħieles kompletament minn kull ġibda ta’ karrieriżmu jew ta’ poter, xhud ħaj u distint tal-imħabba ta’ Alla u tal-Knisja; ragħaj li jitkellem ċar dwar il-ħerba tal-kunflitti u li jistinka b’mod kredibbli għall-paċi u għar-rikonċiljazzjoni tal-bnedmin bejniethom u ma’ Alla, mexxej bl-istess viżjoni u konvinzjoni profonda li kellu Franġisku dwar il-ħniena għanja ta’ Alla.
Nhar is-7 ta’ April 2013, fl-omelija fil-Quddiesa tal-Pussess tiegħu bħala Isqof ta’ Ruma, propju fl-ewwel sentenzi tal-omelija, Papa Franġisku qal hekk: “X’verità sabiħa ta’ fidi hija din għal ħajjitna: il-ħniena ta’ Alla! L-imħabba ta’ Alla għalina hija tant kbira, tant profonda! Hija mħabba li ma tieqaf qatt, waħda li taqbadna minn idejna dejjem u tappoġġjana, terfana u tmexxija ’l quddiem.”
Fil-pariri tiegħu dwar is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni, il-qrar, imbagħad, Franġisku kien f’ċertu sens ‘rivoluzzjonarju’.
Fit-8 ta’ Marzu 2024, waqt servizz penitenzjali fil-Parroċċa San Piju X f’Ruma, qabel ma libes l-istola biex iqarar l-ewwel raġel minn disgħa li qerrew għandu, Franġisku talab lil 20 saċerdot li kienu se jqaraw in-nies huma wkoll biex “jaħfru dejjem, bħal Alla, li qatt ma jgħejja jaħfer.” Qalilhom ukoll: “Tagħmlux wisq mistoqsijiet”. Imbagħad tahom struzzjonijiet biex “jaħfru kollox.”
Lin-nies, imbagħad, waqt l-omelija, qalilhom: “Ħarsu lejn dnubietkom, ħarsu lejn il-ħwejjeġ ħżiena li għedtu u għamiltu. Fis-skiet, għidu lill-Mulej: ‘Mulej, jekk trid inti tista’ tnaddafni.’ U hu jista’.”
Indirizza wkoll lil min forsi jaħseb li wettaq xi dnub li “ċertament ma jinħafirx”. Il-Papa għamillu stedina: “Isma’, Alla jaħfer kollox għax hu ma jgħejjiex jaħfer. Aħna ngħejjew nitolbu l-maħfra.”

Il-Konklavi se jsiru fi żmien ta’ sfidi dejjem akbar. Kemm għan-nisrani li jrid jimxi tassew wara Ġesù, kif ukoll għall-umanità kollha kemm hi. (Ritratt: EPA)
Sensittività ġenwina
Xewqat oħrajn dwar il-Papa l-ġdid jorbtu ma’ sensittività ġenwina bħalma kellu Franġisku għall-bżonnijiet tal-bniedem dgħajjef u vulnerabbli, għożża tal-bniedem imsawra f’esperjenza ta’ mixi fit-triq man-nies u ta’ ħajja modesta, ragħaj li dwar ir-refuġjati u l-migranti iħoss tassew bħal Franġisku.
Xewqa wkoll li jkun Papa li għalih il-Knisja għandha tipproponi, fost tant ħwejjeġ oħrajn, l-umaniżmu u l-umanitarjaniżmu, li mhumiex sinonimi ma’ sempliċement li wieħed jagħmel it-tajjeb, imma jfissru mġiba bħal tas-Samaritan it-tajjeb imsemmi fil-parabbola ta’ Ġesù, u mġiba li tħares lejn il-ħidma politika bħala tweġiba għat-tbatija.
Alistair Dutton is-Segretarju Ġenerali tal-Caritas Internationalis, qal li l-akbar legat tal-Papa Franġisku kien “l-awtentiċità u l-imħabba tiegħu għall-ifqar fost il-fqar.”
Franġisku, li miet fil-Ġublew tat-Tama, imniedu minnu stess, sar simbolu tat-tama. Tama li, fost tant ħwejjeġ oħrajn, l-umanità tgħożż il-kultura tal-ħarsien tal-ħajja umana mill-bidu sal-aħħar, il-kultura tal-inkontru u tal-ftuħ tal-fruntieri, u l-kultura tas-solidarjetà.
Franġisku kebbes, saħansitra, fjamma ta’ tama f’ġejjieni aħjar fil-governanza tal-Kurja Rumana, b’riforma ferm meħtieġa, imsieħba minn irwoli ġodda u viżjoni iktar miftuħa anki għal-lajċi.
Evanġelizzazzjoni
Kif qal il-Kardinal Giovanni Battista Re fl-omelija tal-quddiesa tal-funeral tal-Papa Franġisku, il-prinċipju bażiku tal-pontifikat ta’ Franġisku kien l-Evanġelizzazzjoni. Hu stinka, b’viżjoni ċara, biex ixerred il-ferħ tal-Evanġelju, li kien it-titlu tal-ewwel Eżortazzjoni Apostolika tiegħu, ‘Evangelii gaudium’.
Dan huwa ferħ li jimla l-qlub ta’ kull min jafda lilu nnifsu f’idejn Alla b’fiduċja u tama.
Franġisku kien konvint li l-Knisja hija dar għal kulħadd, dar bil-bibien tagħha dejjem miftuħin. Kien jara l-Knisja bħal sptar f’għalqa wara battalja li fiha jkorru bosta nies; Knisja determinata li tieħu ħsieb il-problemi tan-nies u l-ansjetajiet kbar li jċarrtu d-dinja ta’ żmienna; Knisja li tkun kapaċi tinkina quddiem kull persuna, ikunu xi jkunu twemminha u l-kundizzjoni tagħha, Knisja li tfejjaq il-ġrieħi tan-nies.
Ikun sabiħ jekk il-Papa l-ġdid ikun mexxej li f’moħħu jkollu dan kollu, f’pontifikat magħġun ukoll fil-kontinwità fl-implimentazzjoni tal-Konċilju Vatikan II, li ġab miegħu bidla kbira fil-Knisja, u li bis-saħħa tiegħu l-Knisja bdiet terġa’ tisma’ l-bosta mistoqsijiet tad-dinja.
L-implimentazzjoni tal-Vatikan II tħaddan, quddiem nett, il-ħniena, u Franġisku uriena li l-ħniena tirrappreżenta l-attitudni tal-Knisja ta’ wara l-Konċilju.
Leħen awtorevoli
Franġisku kien ukoll leħen awtorevoli u ta’ raġonevolezza fil-Knisja stess u fid-dinja.
Ma naħsibx li huma ħafna dawk li jħossu li fil-Knisja fid-dinja nibet u kiber sens ta’ dgħufija, jekk mhux ukoll ta’ qtigħ il-qalb, li qed jixtered fost il-membri tagħha u saħansitra fost numru ta’ saċerdoti.
Wieħed jittama, allura, li s-suċċessur ta’ Franġisku joffri tmexxija li tgħin lill-Knisja tagħraf dejjem aħjar ir-rwol tagħha, u li hija stess timxi b’moħħ miftuħ, qalb qawwija, u ħila li tħares fil-bogħod f’kull rigward.
Is-sejħa li għandha l-Knisja f’soċjetà dinjija li kulma jmur qed tesperjenza l-konsegwenzi traġiċi ta’ dak li forsi nistgħu nsejħulu l-eklissi tas-sens ta’ Alla, wiċċ imb wiċċ mad-diżorjentament u l-iżolament li tant nies qed jgħixu fihom, u wiċċ imb wiċċ mal-mewġa ta’ seklurizzazzjoni, ta’ deni bħal dak tan-nazzjonaliżmu, li qed jieħu sura ġdida li f’kontradizzjoni mal-Evanġelu, hija sejħa urġenti u qawwija.
Barra minn hekk, il-Knisja trid twettaq il-ħidma tagħha f’dinja mtaqqla minn tendenzi ta’ egoiżmu u konsumeriżmu sfrenat, gwerer li meħudin flimkien jinħassu qishom il-bidu tat-Tielet Gwerra Mondjali, żbilanċi goffi fit-tqassim tal-ġid bejn il-popli, u umanità mgħobbbija dejjem iżjed bis-salib ferm tqil tat-tibdil fil-klima.
Biss il-Knisja ma tistax u m’għandhiex taqta’ qalbha. Hija għaddiet minn bosta kriżijiet minn żmien għal ieħor, u d-Dgħajsa tagħha baqgħet fil-wiċċ.
Li għandha bżonn il-Knisja, f’dan il-mument partikolari, huwa Papa ġdid bl-ispirazzjoni, il-kariżma, il-kuraġġ u l-fiduċja sħiħa f’Alla biex jagħraf imexxi d-Dgħajsa ta’ Pietru f’direzzjoni tajba, ikun kemm ikun qalil il-mewġ li jsib quddiemu.

Miċ-ċumnija jrid joħroġ id-duħħan abjad, li permezz tiegħu l-Insara madwar id-dinja se jiġu mgħarrfa li għandna Papa ġdid. (Ritratt: EPA)
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 7 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>