L-Avukat Vince Galea f’isem l-eks Prim Ministru Joseph Muscat talab lill-Qorti biex data estratta mill-mobajl tal-klijent tiegħu ma tixxandarx fuq l-ebda mezz tal-media. Huwa nforma lill-Maġistrat Rachel Montebello li wara li raw il-messaġġi fil-mobile ta’ Dr Muscat jirriżulta li dawn huma marbuta max-xogħol tiegħu u li huma ta’ natura personali.
L-Avukat Galea qal illi filwaqt li Muscat m’għandux problema b’dawn il-messaġġi, fl-istess ħin jemmen li dawn huma irrilevanti għal kollox għall-akkużi li hemm fil-Qorti. Għaldaqstant l-Avukat Galea talab lill-Maġistrat biex tordna illi d-data li kienet estratta mill-mobile ta’ Dr Joseph Muscat ma tiġi bl-ebda mod imxandra fil-mezzi kollha tal-media u jekk isir dan min jippublika xi ħaġa, ikun qiegħed juri disprezz lejn l-awtorità tal-Qorti.
Dan ħareġ meta l-Erbgħa kompliet tinstema’ l-kawża fil-konfront ta’ Joseph Mucat u numru ta’ akkużati oħra foshom l-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff ta’ Muscat Keith Schembri il-konċessjonijiet tal-isptarijiet li fihom il-poplu Malti nsteraq aktar minn 400 miljun ewro.
Għal darba oħra d-difiża qed tagħfas fuq il-fatt li x-xhud prinċipali għal dan il-każ huwa l-espert ewlieni Irlandiz Jeremy Harbinson. Id-difiża qed tgħid għal darba oħra li dan huwa deskritt bħala xhud indispensabbli fil-proċeduri li għaddejjin fil-Qorti.
Matul is-seduta saru diversi punti dwar ix-xhieda li għad irid jagħti Harbinson. L-Avukat Franco Debono qal li Jeremy Harbinson la huwa persuna maħruba u lanqas xhud li ma jistax jinstab, iżda huwa espert imqabbad mill-Qorti.
Qal ukoll li qabel intemmet l-inkjesta, Harbinson kien ġie ħafna drabi Malta mingħajr ebda problema u huwa biss issa meta jrid jiġi jixhed, illi beda jsib il-problemi biex jiġi Malta. Saħaq li dan l-atteġġjament bħala wieħed intollerabbli.
L-Avukat Charles Mercieca qal illi issa illi anki l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jirrikonoxxi illi Harbinson huwa indispensabbli u skont il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem xhud indispensabbli għandu jkun fiżikament preżenti biex jagħti d-depożizzjoni tiegħu. Dr Mercieca rrimarka wkoll illi l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tisħaq illi kull akkużat għandu jkollu smigħ fi żmien raġjonevoli.
Il-provi qed jinstemgħu kontra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-edks Ministru Laburista għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi, u l-eks Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri, kif ukoll 11-il individwi oħra u diversi kumpaniji.
Minbarra akkużi ta’ ħasil ta’ flus, frodi u konfoffa, Joseph Muscat u Konrad Mizzi qed jiffaċċjaw akkużi li aċċettaw tixħim u korruzzjoni f’karigi pubbliċi, filwaqt li Schembri qed ikun akkużat b’reati relatati ma’ ftehim ta’ tixħim u abbuż mill-kariga tiegħu biex jesiġi vantaġġ illegali.
Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT huma akkużati flimkien mal-kumpanija tagħhom, li xjentement għenu lil Muscat biex jaċċetta tixħim. Ir-rappreżentant legali ta’ Steward Malta Management, l-avukat David Joseph Meli, huwa mixli kemm fil-kapaċità personali tiegħu, kif ukoll bħala rappreżentant ta’ Steward Malta Management Ltd, li kkorrompa uffiċjali pubbliċi, li jinkludu lil Muscat, Schembri u Mizzi.
Il-maniġer tal-IT il-Britanniku ta’ Steward, il-Britanniku Clarence John Conger-Thompson u l-awditur tiegħu, Christopher Spiteri, huma akkużati wkoll b’reati relatati mat-tixħim. Spiteri waħdu huwa akkużat ukoll li aġixxa b’diżonestà kbira fit-twettiq tal-attività professjonali ta’ awditur jew accountant, kif ukoll li għamel dikjarazzjonijiet foloz lil awtorità pubblika, li kiser is-segretezza professjonali u li ħalla barra jew li għamel dikjarazzjonijiet tat-taxxa foloz għall-imprenditur Pakistani Shaukat Ali Chaudhry u membri tal-familja ta’ Chaudhry.
Huwa qed jiġi akkużat ukoll li għamel falz quddiem l-inkjesta maġisterjali. Spiteri fil-kapaċità personali tiegħu kif ukoll ta’ awditur, flimkien ma’ Jonathan Vella, il-fornitur ta’ tagħmir mediku lil Ivan Vassallo u sieħbu fin-negozju Mario Victor Gatt, huma akkużati b’kontabbilità falza, kemm fil-kapaċitajiet personali tagħhom kif ukoll bħala rappreżentant ta’ Technoline Ltd u Eurybates. Ltd.
Spiteri jinsab akkużat ukoll, fil-kapaċità personali tiegħu kif ukoll ta’ awditur, flimkien ma’ Jonathan Bondin u David Meli, bħala rappreżentanti ta’ MTrace p.l.c. u Gateway Solutions Ltd, billi xjentement għamlu dikjarazzjonijiet foloz lil awtorità pubblika biex tikseb vantaġġ illeċitu. Adrian Hillman ukoll huwa akkużat b’rabta ma’ dawn l-akkużi.
It-tim tad-difiża hu komposta mill-Avukati Stefano Filletti, Jason Grima, Arthur Azzopardi, Sean Zammit, Mark Vassallo, Edward Gatt, Marion Camilleri, Franco Debono, Chris Cilia, Dean Hili, Veronique Dalli, Andrè Portelli, Giannella de Marco, Charles Mercieca, Stephen Tonna Lowell, Vincent Galea, Luke Dalli, Rachel Powell, Charlon Gouder, Dominic Micallef, Ishmael Psaila u Etienne Borg Ferranti, Shazoo Ghaznavi, David Bonello, Alex Scerri Herrera, Jessica Formosa u Jeannine Depasquale.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati tal-AĠ Francesco Refalo, Rebekah Spiteri, Shelby Aquilina u Anthony Vella, is-Supretendent Fabian Fleri u l-Ispetturi Hubert Cini u Wayne Rodney Borg.