Albert Buttigieg, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg sostna fil-Parlament li l-innoċenti f’Gaza u f’Iżrael jeħtieġu appoġġ.
Hu tkellem dwar it-tbatija, is-sofferenza, id-disperament u issa anke l-ġuħ ta’ eluf ta’ persuni li jinsabu ġewwa Gaza u qal li dak li qiegħed iseħħ f’Gaza mhux biss huwa nsult lill-umanitá imma wkoll tikxef l-ipokrezija ta’ xi wħud li jagħżlu li jdawru wiċċhom u jkunu selettivi.
Jekk dak li qiegħed iseħħ ġewwa l-Ukranija mhux aċċettabbli, l-istess mod mhux aċċettabbli dak li qiegħed iseħħ ġewwa Gaza. Ma nistgħux nimxu b’mentalità ‘two weights, two measures’, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li dak li għamel il-Ħamas mhux aċċettabli.
Mhux aċċettabbli li jinqatlu ‘l fuq minn 1,200 Iżraelit u lanqas mhu aċċettabbli li jittieħdu numru ta’ ostaġġi u li xi wħud minnhom għadhom miżmuma. Le, dan mhux aċċettabbli. Imma bl-istess kejl u bl-istess intensità, mhux aċċettabbli lanqas li teqred pajiż kollu u jġibu terrapin!, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li lanqas mhu accettabbli li toqtol ‘il fuq minn 50,000 fosthom madwar 10,000 tfal innoċenti! Le, dan mhux aċċettabli lanqas!
Ma nistgħux inkunu selettivi jekk iridu nkunu kredibbli! Lanqas mhu aċċettabbli li biex il-Gvern ta’ Israel ikompli b’din il-gwerra, juża l-ikel bħala arma ta’ gwerra. Għal dawn l-aħħar xahrejn, l-ebda convoy ta’ provvisti ma tħalla jidħol f’Gaza. B’hekk dan il-poplu qiegħed f’disperazzjoni ta’ ġuħ, mingħajr ikel, mingħajr ilma, mingħjar mediċini u għajmuniet oħra.
Albert Buttigieg qal li x-xeni li qegħdin naraw ta’ tfal u anzjani jitkarrbu għal ikel huwa nsult għal min għandu d-diċenza! Huwa att kriminali li toqtol poplu sħiħ bil-ġuħ! Il-Gvern ta’ Iżrael qal li lest li jħalli l-għajnuniet jidħlu jekk huwa jkun dak li jqassamhom u mhux aktar organizzazzjonijet internazzjonali bħal UN. Jekk jiġri dan, allura l-ikel u l-għajnunijiet ikompli jintuża bħala arma.
Imma issa donnu waqgħet il-maskra ta’ min qiegħed iwettaq din it-traġedja billi ħa deċizjoni li jokkupa u jieħu bil-forza Gaza kollha u jerġa’ jagħmel displacement ieħor.
Donnu mhux biżżejjed li 78 sena ilu jkun hemm in-Nakbra fejn eluf tilfu djarhom. Issa bl-arja li qiegħed jingħata jrid jieħu l-art kollha. Jekk dan il-Parlament kellu l-kuraġġ jikkundanna lir-Russja fl-invażjoni tal-Ukranija, jalla jkollu wkoll il-kuraġġ li l-abjad jgħidlu abjad u l-iswed jgħidlu li huwa iswed!
Xi ħadd forsi jgħid li dak li qiegħed jiġri f’Gaza mhux affari tagħna, li Malta hija newtrali. Min jirraġuna b’dan il-mod jara mhux biss sal-ponta ta’ mnieħru imma li dak li jiġri barra minn Malta jolqot lilna wkoll… kif fil-fatt rajna f’dawn l-aħħar ġranet.
Imma Malta newtrali tfisser li ndawru wiċċna jew nagħlqu għajnejna quddiem it-traġedji umana? Is-silenzju huwa forma ta’ kompliċità. Il-Papa Franġisku kien ta’ spiss jitkellem fuq il-globalizzazzjoni tal-indifferenza.
Propju nhar il-Ħamis 8 ta’ Mejju id-dinja demokratika tfakkar it-80 sena mir-rebħa fuq il-Nazziżmu u l-Faxxiżmu. L-istorja turina li n-Nazziżmu nfirex għaliex diversi għażlu s-silenzju. Nagħżel li ma nibqax sieket jew indawwar wicċi quddiem din il-forma oħra ta’ Nazziżmu u Faxxiżmu! Għall-kuntrarju nagħżel li nżomm ma’ eluf ta’ persuni innoċenti fuq naħa u fuq in-naħa l-oħra. Fi gwerra ma hemmx rebbieħa, hemm biss sofferenza, tbatija, mewt u tifrik
Għaldaqstant, ħenjin huma dawk li jġibu l-paċi; ħenjin dawk li huma strument ta’ paċi; ħenjin dawk li huma ammbaxxaturi u bennejja tal-paċi.
Shalom Iżrael. Salam Gaza, sostna Albert Buttigieg.