minn Ugo Mifsud Bonnici
President Emeritu
Ħadd ma hu indispensabbli. Lanqas ma jkunu, fi żmienhom, dawk il-bnedmin eċċezzjonali li jkunu ntgħażlu biex imexxu l-Knisja Kattolika, flok Kristu. Imut Papa, jagħmlulu l-eloġji u jibkuh.
Imbagħad ma jħallux is-Sede vakanti, vojta. Jippreparaw biex jagħżlu ieħor. Il-ħajja tal-Knisja tkompli. Il-Knisja teħtieġ Kap u għalhekk malajr jaħsbu biex ilaqqgħu konċistorju. Ilaqqgħu lill-Kardinali eletturi, jitolbu l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu u jagħżlu ieħor, b’vot sigriet u bi proċeduri speċjali.
Ilhom jagħmlu hekk minn mindu miet Pietru, l-ewwel Papa, magħżul direttament minn Sidna Ġesù Kristu. Dak li ġie warajh intgħażel mill-Ispirtu s-Santu, li nqeda bl-Appostli. Dawn reġgħu ħallew f’idejn Alla: tellgħu l-isem bix-xorti. Kellhom fiduċja sħiħa fil-Providenza, li dawlet moħħ dawk li kellhom jagħżlu. Il-Kardinali jintgħażlu mill-Papiet iżda mbagħad jagħżlu huma lis-suċċessuri ta’ dawk li jkunu ħatruhom.
Għażla fuq il-fiduċja
Il-Papiet jintgħażlu fuq il-fiduċja (mill-bnedmin), imbagħad jgħinhom Alla l-Imbierek. Fil-bidu tal-Knisja kienu jintgħażlu mill-poplu Nisrani. Imbagħad saru regoli biex l-għażla ssir minn dawk li jkunu jafu x’jeħtieġ il-bniedem li jiġi fdat bit-tmexxija.
Jiena naf kemm hu diffiċli li tagħżel lil min jiġi fdat bil-kmand. Bil-vot tiegħi esprimejt l-għażla ta’ min għandu jmexxi: f’għaqdiet u f’istituzzjonijiet. Kultant ikun hemm diffikultà meta tiġi biex tagħżel bejn nies kapaċi. Kultant jeħtieġ li tagħżel bejn dawk li jkunu qrib tal-kapaċità, għalkemm ma jkunux għalkollox kapaċi. Diffiċli tagħżel bejn il-perfetti, u diffiċli ħafna iżjed li tagħżel bejn dawk li huma ’l bogħod mill-perfezzjoni.
Bil-vot tiegħi għażilt lil min jitla’ fil-Parlament, lil min imexxi partit politiku, lil min jieħu xi karigi importanti. Fiha responsabbiltà. Iżda ma hemmx paragun mar-responsabbiltà li jerfgħu dawk li jagħżlu lil min imexxi ’l-Knisja. Ġieli kien hemm diffikultajiet ikbar minn dawk li hemm illum. Meta tiftaħ il-kotba dwar l-Istorja tal-Knisja ssib żminijiet meta slaten jew nies oħra qawwija, bil-forza tal-armi, meddew idejhom fuq il-Knisja u n-nies tagħha u riedu jinfluwenzaw lil dawk li ġew biex jagħżlu Papa.
Iħallina fil-libertà
Alla l-Imbierek ikun qiegħed josserva x’inhuma jagħmlu, jew ma jagħmlux, il-bnedmin. Sa fejn possibbli jħalli lill-bnedmin jagħmlu huma. Il-bnedmin ġieli jagħżlu tajjeb u ġieli jiżbaljaw fl-għażla. Għalkemm, biż-żmien, tgħallimna li l-għażla tal-poplu (fil-maġġoranza tiegħu) hija dejjem aħjar minn dik li jagħmlu l-bnedmin individwalment. Kien hemm ħafna okkażjonijiet fejn il-popli żbaljaw fl-għażla tagħhom, anki f’dik l-iktar demokratika. Il-bnedmin kollha jiżbaljaw, kemm meta jiddeċiedu individwalment, kif ukoll meta jiddeċiedu flimkien, kollettivament.
Id-demokrazija hija superjuri għaliex tiddependi mill-ġudizzju ta’ ħafna nies. Għalkemm lanqas il-maġġoranzi ma huma infallibbli, b’danakollu, meta l-ideat u l-fatti jitperrċu quddiem ħafna nies, l-iżbalji joħorġu u jingħarfu. Huma perikolużi n-nies li jkollhom il-ħila li jipperswadu lil ħaddieħor. Matul il-mixja tal-istorja tal-bniedem fuq l-art, xi wħud minn dawk li kellhom din il-kapaċità abbużaw minnha u ġiebu ħsara kbira fuq bnedmin oħra. Adolf Hitler kien verament persważiv, u kif! U x’fatta!
Nitolbu għal għażla tajba
Nemmnu li l-Papiet jintgħażlu mill-Ispirtu s-Santu, iżda l-istrumenti tal-għażla jkunu l-bnedmin. Fil-Kappella Sistina jivvutaw il-bnedmin, anki jekk imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu.
Il-poplu Nisrani li qiegħed barra, u li qed jistenna, għandu jitlob bi ħġaru biex min qiegħed ġewwa jagħmel l-għażla t-tajba u sabiex il-Knisja jkollha Ragħaj li jagħraf imexxiha ’l quddiem issa u fiż-żmien li ġej.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 7 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>