minn Jean Paul Barbara
Viċi President tal-MŻPN
u Minortity Leader ta’ Ħad-Dingli
F’soċjetà li qed tinbidel b’pass mgħaġġel, iż-żgħażagħ qed ifittxu politika li tismagħhom, tifhimhom u fuq kollox tagħtihom futur. Illum iż-żgħażagħ iridu politika moderna, b’viżjoni ċara, realistika u b’qalb verament immirata għalihom. Hawn jidħol Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista.
Viżjoni ta’ Opportunitajiet u Innovazzjoni
Bernard Grech jemmen fiż-żgħażagħ. Mhux biss bħala slogan, imma bħala parti ċentrali fil-viżjoni tiegħu għal Malta.
Il-Partit Nazzjonalista jrid Malta li toffri l-aqwa edukazzjoni, xogħol ta’ kwalità u ambjent fejn kull żagħżugħ u żagħżugħa jistgħu jagħmlu l-ħolm tagħhom realtà mingħajr ma jkollhom jaħarbu barra minn Malta.
Il-viżjoni tiegħu tinkludi investiment serju f’setturi ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali, il-kreattività, l-industrija diġitali u l-ekonomija ħadra — setturi fejn iż-żgħażagħ jistgħu jikkaratterizzaw ruħhom.
Il-mudell ekonomiku ġdid ta’ Bernard Grech – ekonomija li taħdem għan-nies
Bernard Grech ilu jgħid b’mod ċar li Malta għandha bżonn bidla fil-mod kif qed tmexxi l-ekonomija tagħha. Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi mudell ekonomiku ġdid li jiffoka fuq kwalità, innovazzjoni u sostenibbiltà — mhux biss fuq kwantità u tkabbir bla kontroll.
Il-mudell ekonomiku li qed jipproponi huwa differenti minn dak li qed nimxu bih illum. Illum l-ekonomija ta’ Malta hija bbażata ħafna fuq tkabbir li ġej minn żieda fil-popolazzjoni, ħafna ħaddiema barranin, u żvilupp bla waqfien. Dan qed iwassal għal pressjoni fuq l-infrastruttura, tniġġis, prezzijiet għoljin, u kwalità tal-ħajja li qed tkompli tmajna.
X’Inhu joffri l-Partit Nazzjonalista
għaż-żgħażagħ?
Bernard Grech qed jippromwovi ekonomija ġdida li tiffoka fuq setturi ekonomiċi ta’ valur miżjud għoli bħat-teknoloġija d-diġitalizzazzjoni, industriji kreattivi, riċerka u innovazzjoni.
Jemmen li għandna ninvestu fil-kapital uman fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ, fil-ħiliet tagħhom, u fis-saħħa mentali tagħhom biex ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom f’pajjiżhom.
Jemmen li bħala pajjiż irridu noħolqu impjiegi ta’ kwalità mhux biss impjiegi numerużi imma xogħol tajjeb, b’kundizzjonijiet aħjar, pagi ġusti, u ambjent tax-xogħol diċenti. Jagħmel il-pajjiż aktar sostenibbli b’enfasi fuq investiment fl-ambjent, enerġija nadifa, u urbanistika aktar organizzata biex Malta tkun sabiħa u abitabbli għal kulħadd.
Gvern ġdid Nazzjonalista inaqqas id-dipendenza fuq tkabbir popolazzjona bla kontroll u flok jiffoka fuq ekonomija intelliġenti u effiċjenti.
Dan il-mudell ekonomiku jħares lejn il-futur ta’ pajjiżna fit-tul. Mhux ekonomija bbażata fuq l-għadd tan-nies biss, imma fuq l-għerf, il-kreattività u l-valur ta’ dak li nipproduċu bħala pajjiż żgħir imma b’ħafna talent.
Bernard Grech jemmen li dan huwa l-mod kif Malta tista’ tkun kompetittiva globalment u fl-istess ħin toffri kwalità ta’ ħajja aħjar liż-żgħażagħ u lill-familji Maltin u Għawdxin.
Il-PN ressaq mozzjoni fil-Parlament biex jindirizza l-isfidi relatati mal-għoli tal-ħajja li qed jaffettwaw żgħażagħ, lill-familji u n-negozji Maltin. Il-PN ppropona diversi miżuri konkreti biex itaffu l-pressjoni finanzjarja fuq iċ-ċittadini.
Dawn il-proposti jinkludu fosthom l-eżenzjoni mit-taxxa fuq iż-żidiet tal-KOLA: It-tneħħija tat-taxxa fuq kull żieda fil-pagi u l-pensjonijiet relatata mal-KOLA sabiex il-ħaddiema u l-pensjonanti jibbenefikaw bis-sħiħ minn dawn iż-żidiet.
Ipproponejna l-introduzzjoni ta’ krediti ta’ taxxa għal min iħaddem, biex jinkoraġġixxu ż-żieda fil-pagi tal-impjegati tagħhom,Fond nazzjonali għall-importaturi u esportaturi biex nappoġjaw lill-importaturi u l-esportaturi fil-ħidma tagħhom biex inaqqsu l-ispejjeż, u b’hekk jgħinu fit-tnaqqis tal-prezzijiet għall-konsumaturi. Bidla fil-mudell ekonomiku:L-introduzzjoni ta’ mudell ekonomiku ġdid li jiffoka fuq setturi b’valur miżjud għoli u impjiegi ta’ kwalità, minflok tkabbir ibbażat fuq żieda fil-popolazzjoni.
Minkejja dawn il-proposti, il-Gvern ivvota kontra l-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista, u b’hekk ma ġewx implimentati dawn il-miżuri.
Dawn il-proposti juru l-impenn tal-PN biex itejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, u b’hekk itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
Għaliex għandek tafda fil-Partit Nazzjonlista?
Bernard Grech qed jipproponi politika serja, b’viżjoni li tħares ‘il quddiem u b’impenji konkreti lejn iż-żgħażagħ. Mhux politiku tal-passat, iżda mexxej li jifhem ir-realtà tal-lum u lest jagħmel tibdil b’moħħ miftuħ.
Ta’ spiss nisimgħu li ż-żgħażagħ m’għandhomx leħen fil-politika. Bernard Grech irid jibdel dan. Huwa jemmen f’politika mibnija fuq djalogu kontinwu maż-żgħażagħ, bil-ħolqien ta’ spazji fejn l-ideat tagħhom jiġu apprezzati u mwettqa. Għal Kap, il-politika trid tkun magħmula man-nies u għan-nies, speċjalment għaż-żgħażagħ li huma l-futur tal-pajjiż.
Illum iż-żgħażagħ qed jiffaċċjaw sfidi differenti minn dawk tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom. L-isfida tal-kirjiet għoljin, il-pagi li ma jgħamlux ġustizzja mal-ħajja moderna, l-istress, il-problemi ta’ saħħa mentali, u nuqqas ta’ spazji ħodor huma realtà ta’ kuljum għal ħafna żgħażagħ f’Malta u Għawdex.
Soluzzjonijiet konkreti
Huwa hawn fejn Bernard Grech qed joffri soluzzjonijiet konkreti. Il-viżjoni tiegħu ma tieqafx biss fuq il-kliem sabiħ, iżda tidħol fil-prattika. Qed jipprometti politika li tagħti serħan il-moħħ liż-żgħażagħ li jridu jibdew il-ħajja tagħhom f’Malta. Proposti bħall-għajnuna biex iż-żgħażagħ jixtru l-ewwel dar tagħhom, investiment f’servizzi ta’ saħħa mentali aċċessibbli, u titjib fl-ispazji pubbliċi huma kollha parti mill-pjan tiegħu.
Barra minn hekk, Bernard Grech jifhem li ż-żgħażagħ għandhom ħafna aktar x’joffru milli xi kultant jingħad. Hu qed jippromwovi politika li timmira li tagħti forza u sapport lill-innovaturi, lill-artisti, lill-kreattivi, u lill-imprendituri żgħażagħ biex ikunu jistgħu jimirħu u jirnexxu f’Malta. Il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija tiegħu qed juri li lest jisma’, lest jitgħallem, u lest jimplimenta l-ideat friski li jġibu magħhom iż-żgħażagħ.
Fl-aħħar mill-aħħar, Bernard Grech qed joffri viżjoni ta’ Malta li tagħti spazju għal kulħadd – Malta ġusta, moderna, u fuq kollox Malta fejn iż-żgħażagħ huma fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet u mhux fuq il-ġenb.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 4 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>