Opinjoni

Opinjoni: L-ambjent li ngħixu fih

Għandna nintroduċu ideat prattiċi li għandhom pajjiżi oħra sabiex inkomplu nsaħħu r-relazzjoni bejn l-ambjent u l-edukazzjoni
Fid-diskors tiegħi l-ġimgħa li għaddiet, irbatt l-iżvilupp sostenibbli mal-qasam edukattiv billi spjegajt kemm huwa importanti li kunċetti daqstant importanti jkunu mgħallma sa mill-etajiet bikrin

mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister
 għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Fil-jiem li għaddew fil-Parlament konna qegħdin niddiskutu l-iżvilupp sostenibbli. Mhux daqstant faċli li wieħed jifhem eżatt x’inhi l-kelma ‘sostenibbiltà’ għax ikolli ngħid li tintuża ħafna u spiss u f’kull forma ta’ kuntest.

Fid-diskors tiegħi l-ġimgħa li għaddiet, irbatt l-iżvilupp sostenibbli mal-qasam edukattiv billi spjegajt kemm huwa importanti li kunċetti daqstant importanti jkunu mgħallma sa mill-etajiet bikrin.

Waqt li nirrikonoxxu li f’Malta diġà qiegħed isir ħafna minn dan l-aspett, inħoss li rridu nagħmlu ħafna aktar. Huwa minnu li Malta għandha Strateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli, u allura pjanijiet strateġiċi li jintegraw il-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli fis-sistemi edukattivi, b’mod partikolari fil-kurrikulu nazzjonali, imma dan mhux dejjem ikun attwat.

Illum, ħafna skejjel Maltin huma parti mill-programm internazzjonali tal-Ekoskola (li se jkun diskuss fil-Parlament nhar il-Ġimgħa), programm li jinkoraġġixxi lill-istudenti biex jieħdu azzjoni fuq kwistjonijiet ambjentali fl-iskejjel.

Qegħdin naraw ukoll żieda ta’ aspetti sostenibbli inkorporati f’diversi suġġetti, fil-livelli primarji u sekondarji u b’hekk jingħataw importanza temi bħall-bidla fil-klima, bħall-bijodiversità, bħar-riċiklaġġ, u bħall-enerġija rinnovabbli. F’livell ogħla, għandna wkoll korsijiet fl-Università u fl-MCAST li jiffokaw fuq is-sostenibbiltà u li allura jittrattaw l-ambjent, l-enerġija nadifa, u l-ippjanar urban.

Madankollu, kif spjegajt fil-Parlament, sal-lum għadna niffaċċjaw diversi sfidi u li nista’ nelenkahom f’erbgħa: Nuqqas ta’ integrazzjoni prattika – Għalkemm is-suġġetti huma inklużi fil-kurrikulu, kultant l-applikazzjoni tagħhom fil-klassi mhix konsistenti; Nuqqas ta’ riżorsi  – Għad hemm nuqqas ta’ riżorsi jew taħriġ għall-għalliema biex jgħallmu b’mod effettiv dwar is-sostenibiltà; Nuqqas ta’ kollaborazzjoni bejn l-iskejjel u l-NGOs – mhux qed ikunu utilizzati l-esperjenzi ta’ għaqdiet u NGOs li għandhom esperjenza first-hand fil-qasam u; Nuqqas ta’ kuxjenza pubblika – Għad hemm lok biex titjieb il-kuxjenza tal-pubbliku dwar l-importanza ta’ edukazzjoni sostenibbli f’kull livell tal-ħajja. Biex intejbu l-iżvilupp sostenibbli fl-edukazzjoni f’Malta, jeħtieġ approċċ integrat li jinvolvi l-edukaturi, l-istudenti, il-politika pubblika u s-soċjetà inġenerali.

Inrawmu l-ġenerazzjonijiet li ġejjin

Irrid nagħmel referenza għal xi prattiċi relatati li jsiru barra minn pajjiżna, u li nistgħu nisiltu xi ideat minnhom biex inkomplu nsaħħu r-relazzjoni bejn l-ambjent u l-edukazzjoni.

Fil-Ġappun, l-iskejjel għandhom għażla ta’ proġetti komunitarji, bħal ġbir ta’ skart, ħarsien tan-natura u restawr ta’ ambjenti storiċi. Isir ukoll tagħlim dwar diżastri naturali u kif jippreparaw għalihom. F’Malta, ċertament nistgħu ninkludu edukazzjoni aktar prattika dwar kif nipproteġu l-ambjent naturali u kif nindirizzaw riskji bħat-tibdil fil-klima, dwar kif inħarsu l-wirt naturali billi jiżdiedu aktar attivitajiet ‘hands-on’.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li kieku l-wirt storiku ma jibqax biss fil-kotba u fuq l-internet imma l-istudenti jkollhom ukoll iċ-ċans jieħdu sehem f’inizjattivi ta’ restawr u inizjattivi oħra li jagħmluhom parti minnu.

Fil-Costa Rica, l-edukazzjoni ambjentali hija parti mill-istrateġija nazzjonali ta’ konservazzjoni. B’hekk hemm kollaborazzjoni diretta bejn skejjel, NGOs u parks nazzjonali. F’pajjiżna nistgħu naraw aktar sħubija u kollaborazzjoni diretta ma’ NGOs ambjentali biex il-ħidma tkun iktar bażata fuq l-azzjoni diretta u kontinwa. Jista’ anki jingħata xi inċentiv (mhux biss finanzjarju) lill-istudenti li jissieħbu xi NGO jew Għaqda li għandha prinċipji favur is-sostenibbiltà u l-ambjent naturali.

Nemmen li Malta għandha potenzjal kbir biex tkun issaħħaħ l-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli. B’azzjoni kordinata bejn il-Gvern, l-iskejjel u s-soċjetà, nistgħu nibnu futur aktar sostenibbli għal kulħadd. Il-partiti politiċi wkoll għandhom sehem f’dan kollu.

Filfatt, tajjeb ninnota li l-Partit Nazzjonalista ilu jappella għal reviżjoni komprensiva tal-pjani lokali, biex jiġu indirizzati l-isfidi urbani tal-lum, jiġu protetti l-ispazji pubbliċi, u tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

Il-PN jiddistingwi bejn żvilupp sostenibbli u dak li mhuwiex, u jappella għal użu tal-art li jħares l-ambjent u l-benesseri tan-nies. Fl-istess waqt, l-Oppożizzjoni ressqet Private Member’s Bill bil-għan li jkun hemm tnaqqis fil-ħela tal-ikel, bl-idea li l-ikel jitqassam bl-anqas ħela possibbli fost il-popolazzjoni kollha u biex l-ebda ċittadin ma jkun imċaħħad jew jibqa’ lura minħabba l-qagħda soċjali jew finanzjarja tiegħu.

Nikkonkludi billi nirrimarka li dan it-topik ma għandux kuluri politiċi, u għalhekk għandu jingħata importanza assoluta minn kull lat. Dan huwa pajjiżna, u rridu nieħdu ħsiebu. Madankollu rridu nrawmu l-ġenerazzjonijiet li ġejjin japprezzaw dak li għandna u jsaħħuh waqt li jikkontribwixxu għall-futur.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 7 ta’ Mejju, 2025.