Lokali Parlament

Pajjiżna għandu jfittex bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u l-kwalità tal-ħajja

Jerome Caruana Cilia, PN

Fid-deċiżjonijiet li nieħdu llum għandna naħsbu fil-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Dik hija l-vera sostenibbiltà. Hekk sostna d-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia waqt dibattitu fil-Parlament dwar ir-Rapport Annwali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli.

Jerome Caruana Cilia insista li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista huwa dejjem favur il-progress, pajjiżna għandu jfittex bilanċ, bejn it-tkabbir ekonomiku u l-kwalità tal-ħajja, bejn l-ambizzjoni u l-għaqal, bejn il-profitt u n-nies.

Huwa esprima l-kritika tiegħu għall-Gvern li juża l-kelma sostenibbiltà fin-narrattiva politika mingħajr wisq sustanza, u semma’ bħala eżempji l-iżvilupp eċċessiv fil-bliet u l-irħula tagħna mingħajr pjan, it-tnaqqis ta’ spazji ħodor, it-toroq kontinwament staġnati bit-traffiku u xogħlijiet, u t-tkabbir eċċessiv tal-popolazzjoni mingħajr pjanar li ġab pressjoni u kważi kollass fuq affarijiet tant importanti għal poplu Malti u Għawdxi, bħal fuq il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-housing u l-infrastruttura.

Dan kollu qed iħalli impatt fuq il-familji Maltin u Għawdxin. Hawnhekk, ix-Shadow Minister Nazzjonalista fakkar kif filwaqt li d-distakk bejn dawk li jaqilgħu ħafna u dawk li jaqilgħu ftit qed jonqos mal-Ewropa kollha, f’Malta qed jiżdied u nnota li l-inugwaljanza fid-dħul qed tikber kull sena sa mill-2019.
Hu żied jgħid li filwaqt li l-Gvern kontinwament jiftaħar bis-sostenibbiltà, fil-prattika dan mhux qed jesperjenzawh il-familji Maltin, speċjalment dawk il-familji li qed ikollhom jaħdmu żewġ impjiegi kull wieħed biex ilaħħqu mal-ħajja dejjem togħla.

Jerome Caruana Cilia qal li filwaqt li dawn l-isfidi huma komuni f’bosta pajjiżi madwar id-dinja, huwa qasam numru ta’ eżempju f’pajjiżi bħall-Olanda u I-Iżvezja li għarfu jintegraw il-kunċett ta’ sostenibbiltà fil-ħajja ta’ kuljum, fost l-oħrajn fl-ippjanar urban, bi prijorità lill-ispazji ħodor u l-mobilità sikura u nadifa.

“Sfortunatament, il-Gvern qisu iktar moħħu biex jonfoq flejjes kbar f’reklamar u propaganda, milli billi jieħu deċiżjonijiet li veru hemm bżonn dwar is-sostenibbiltà. Għad fadlilna ħafna x’naqdfu”, sostna d-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.

Huwa żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu għal qalbu dan is-suġġett, u anke l-Oppożizzjoni attwali ressqet aktar minn darba proposti ċari, kemm speċifikament fuq l-ambjent iżda wkoll fuq aspetti oħra importanti bħat-trasport, il-viżjoni ekonomika ta’ eċċellenza, is-saħħa mentali, u oħrajn, b’mod partikolari dawk li joffru sostenibbiltà vera lill-familji, permezz ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja.
Dawn jinkludu żieda fil-leave tal-missirijiet, fil-leave tal-maternità, fil-leave tal-ġenituri, inkluż total ta’ sena sħiħa leave mħallas bejn leave tal-maternità u leave tal-ġenituri, li jagħti l-flessibbiltà essenzjali lill-familji. Dan barra għajnuna finanzjarja għal ġenituri li jagħżlu li jibqgħu d-dar mat-tfal fit-tieni sena wara t-twelid, ekwivalenti għas-sussidji li jagħti l-Gvern għall-kura tat-tfal u krediti tat-taxxa għall-kumpaniji privati li jimplimentaw mudelli ta’ remote working, biex jiġu rikonoxxuti l-benefiċċji ta’ arranġamenti flessibbli tax-xogħol.

Id-Deputat Nazzjonalista insista li s-sostenibbiltà għandha tkun fil-qofol ta’ kull diskussjoni. “Trid tkun fil-qalbha ta’ kull deċiżjoni li nieħdu. U d-deċiżjonijiet iridu jkunu meħudha f’ħarsa lejn l-impatt futur, u bbażati fuq data, trasparenza u kontabbiltà.

“Is-sostenibbiltà mhix lussu – hija bżonn. Ejja ma nistennewx li jkun tard wisq. Ejjew naħdmu flimkien b’konvinzjoni biex ikollna pajjiż li l-ġenerazzjonijiet futuri jirringrazzjawna għalih”, temm jgħid Jerome Caruana Cilia.