Futbol Sport

PSG kontra Inter fil-finali tal-UEFA Champions League

(Ritratt: EPA)

PSG għaddew għall-finali tal-UEFA Champions League fejn se jilagħbu kontra Inter is-Sibt 31 ta’ Mejju, fid-9:00pm, fl-Allianz Arena, fi Munich.

Paris Saint-Germain għelbu lil Arsenal bl-iskor globali ta’ 3-1, b’rebħa ta’ 1-0 fl-ewwel leg, u rebħa ta’ 2-1 fit-tieni leg. Fil-Parc Des Princes il-partita kienet pjuttost bilanċjata, minkejja li l-Gunners kellhom il-maġġoranza tal-pussess tal-ballun, kif ukoll l-iżjed ammont ta’ xuttijiet, il-Parisians kienu effettivi fil-kontrattakki tagħhom u kkrejaw ċansis perikolużi wkoll.

PSG skorjaw l-ewwel gowl fis-27 minuta mill-eks midfielder ta’ Napoli Fabian Ruiz, li rċieva l-ballun f’tarf il-kaxxa minn żball ta’ Declan Rice li pprova jikklerja l-ballun iżda ma rnexxilux. Il-midfielder Spanjol niżżel il-ballun b’sidru u xeħet b’saħħa fir-rokna ta’ fuq tal-lemin.

PSG ikollhom iċ-ċans li jiskorjaw it-tieni gowl u jisiġillaw ir-rebħa fid-69 minuta meta ngħataw penalty minn handsball taż-żagħżugħ Lewis-Skelly. Il-midfielder Vitinha nkariga ruħu mill-penalty, bil-Portugiż jara l-konklużjoni tiegħu salvata minn David Raya.

Madankollu, PSG jirnexxielhom jiskorjaw 3 minuti wara permezz ta’ konklużjoni mill-isbaħ tad-difensur laterali Achraf Hakimi, bil-Marokkin jippressa lil Partey u jirbaħ il-ballun fit-tarf tal-kaxxa, u jikkonkludi bi preċiżjoni fir-rokna t’isfel.

Arsenal irnexxielhom jiskorjaw gowl lura, madankollu kien tard wisq għar-rimonta tal-Gunners. Bukayo Saka kkapitilizza fuq l-iżbalji tad-difiża ta’ PSG u xeħet ġewwa mill-viċin.