Lokali

“Robert Abela jrid iċaħħad lir-residenti ta’ Ħal Għargħur mill-Kunsill u s-Sindku li eleġġew biex jikkmanda hu” – PN

Attakk fuq id-demokrazija orkestrat minn Robert Abela u l-Partit Laburista

Bil-barka ta’ Robert Abela u tat-tmexxija tal-Partit Laburista, il-Kunsillieri Lokali  tal-istess partit iridu jċaħħdu lir-residenti ta’ Ħal Għargħur minn dak li vvutaw għalih biex jippruvaw jieħdu l-kontroll tal-Kunsill huma.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello u mix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika Claudette Buttigieg, il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-mod kif  il-Kunsillieri tal-Partit Laburista Mariah Meli u Christopher Fenech flimkien mal-Kunsilliera Francesca Attard, li ddikjarat lilha nnifisha bhala Indipendenti wara li kienet eletta f’isem il-PN, ippreżentaw mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku ta’ Ħal Għargħur Helen Gauci.

Fl-istess mozzjoni, il-Kunsilliera Laburista Mariah Meli, li ġabet nofs il-voti tas-Sindku attwali, qed tipproponi lilha nnifisha bħala s-Sindku l-ġdid.

Fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur, is-Sindku attwali Helen Gauci waħedha kisbet 869 vot jew 43% tal-voti filwaqt li t-tliet kunsillieri li qed jippruvaw jagħmlu din il-manuvra anti-demokratika, b’kollox ġabu 783 vot bejniethom, jigifieri inqas mis-Sindku.

Fl-elezzjoni ta’ Ġunju, il-Partit Nazzjonalista kiseb 62.3% tal-voti filwaqt li l-Partit Laburista ġab 37.7% tal-voti f’Ħal Għargħur.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li din il-mossa qanqlet rabja kbira fost ir-residenti ta’ Ħal Għargħur li taw il-fiduċja tagħhom lil Helen Gauci f’Ġunju li għadda tant li hu mifhum li numru sostajnzjali ta’ residenti qed jiġbru petizzjoni favur is-Sindku attwali.

Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-kelliema tiegħu, saħaq li dan mhu xejn għajr attakk fuq id-demokrazija li jfakkarna fit-tmeninijiet, u l-PN mhux se jħalli lil min jaġixxi ta’ bully la mar-residenti u lanqas mar-rappreżentanti tagħhom.

Is-Sindku ta’ Ħal Għargħur Helen Gauci, flimkien mal-Kunsilliera tal-PN Marilena Hassan u ma’ Emvin Bartolo, Direttur tal-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista kienu preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Pjazza ta’ Ħal Għargħur.