Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li weġġa’ gravi raġel waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel tas-Sena

Sentenza sospiża għal raġel ta’ 31 sena mill-Qala wara li nstab ħati li ta daqqa ta’ ponn f’wiċċ ieħor waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena ta’ sentejn ilu. John Buttigieg instab ħati li wettaq dan ir-reat fl-1 ta’ Jannar 2023, fi Pjazza Indipendenza fir-Rabat, Għawdex, ikkaġuna ġrieħi gravi lill-vittma.

Dan għamel rapport lill-Pulizija fejn qal li Buttigieg mar minn warajh u tah daqqa ta’ ponn fuq spalltu u meta qallu biex ikompli sejjer u jħallih bi kwietu l-akkużat tefagħlu tazza bix-xorb u tah daqqa ta’ ponn, din id-darba f’wiċċu.

Tenna li waqqgħu mal-art u ħass xi ħadd jaqbdu minn għonqu u jipprova jifgah u allega li kienet l-għarusa tal-akkużat li għamlet dan. Buttigieg iżda qal lill-Pulizija li fir-rassa huwa kien imbutattat fuq il-vittma u xi ħadd xeħet xi xorb lejh. Waqt li kkonferma li ma kienx il-vittma li għamel dan, l-akkużat qal li xehet ix-xorb fit-tazza li kellu lejn il-vittma.

Buttigieg żied li waqa’ u ġibed miegħu lill-vittma imma insista li dak li ġara ma kienx intenzjonat u skuża ruħu għal dak li ġara. Wara li studja ż-żewġ verżjonijiet, il-Maġistrat Jean Paul Grech qal li iktar jemmen il-verżjoni tal-vittma milli tal-akkużat u sabu ħati li kkaġuna ġrieħi gravi lill-vittma.

Għalkemm din hija l-ewwel darba li Buttigieg instab ħati ta’ reat, il-Qorti qalet li ma setax jinjora d-dinamika ta’ kif seħħ l-inċident fejn bl-aġir irresponsabbli tiegħu kabbar l-inċident u dan f’okkażjoni li kellha tkun ta’ ferħ u divertiment.

Minbarra is-sentenza sospiża ta’ ħabs, il-Maġistrat Grech ħareġ ukoll ordni ta’ protezzjoni għal 3 snin favur il-vittma b’rabta ma’ dan il-każ li kien investigat mis-Supretendent Bernard Charles Spiteri.