Kultura Lokali Mużika

Stennija għall-kunċerti ta’ Chris Norman u Gigi D’Alessio f’Summerlust Music Festival f’Ħal Għaxaq

Gigi D'Alessio

Noel D’Anastas

Fit-tmiem il-ġimgħa se tittella’ edizzjoni oħra ta’ Summerlust f’Ħal Għaxaq bis-sehem ta’ artisti internazzjonali u Maltin. L-aħħar preparamenti għal dan l-avveniment li jiftaħ l-istaġun sajfi ta’ avvenimenti u kunċerti f’Malta, jinsabu fl-aqwa tagħhom.

Dan ħa jsir fid-9 u l-10 ta’ Mejju u jitkompla fis-16 tax-xahar fil-ground ta’ Ħal Għaxaq, biswit il-knisja parrokkjali, bl-ewwel lejla jittella’ l-kunċert ta’ Chris Norman u l-għada il-kunċert ta’ Gigi D’Alessio. Dwar dawn il-kunċerti, Frank Zammit f’isem l-organizzaturi, l-Għaxaq Music Events jgħid hekk:  “Dawn il-kunċerti se jiġu offruti lill-poplu Malti fejn f’kull kunċert se jkollna zona fejn dak li jkun, ikun jista’ jattendi b’xejn u jagħti donazzjoni, liema donazzjoni, imbagħad, tingħata għal Dar Bjorn.”

Chris Norman, il-vuċi leġġendarja ta’ Smokie li magħhom għamel 22 sena propju bejn it-twaqqif tal-grupp fl-1964 sat-tluq tiegħu fl-1986, jiftaħ is-Summerlust 2025 b’kanzunetti magħrufa li għamlu suċċess dinji lil Smokie, fosthom ‘Living Next Door to Alice’, ‘Oh Carol’, ‘Lay Back in the Arms of Someone’, ‘I’ll Meet You at Midnight’, ‘Needles and Pins’ u ħafna oħrajn, li żgur se jkunu parti mir-ripertorju li se jwassal f’Ħal Għaxaq flimkien mal-band tiegħu.

Chris Norman

F’dan l-ewwel kunċert ta’ Summerlust 2025, il-band lokali Different Minds tiftaħ is-serata, segwita minn warm-up minn DJ Alex Grech, waqt li DJ Pierre Cordina jagħlaq il-lejla.

Gigi D’Alessio, il-kantawtur Naplitan ikun fostna s-Sibt, 10 ta’ Mejju, f’lejla ta’ mużika Taljana b’doża ta’ element pop mal-vibra Naplitana li se tpaxxi l-eluf ta’ segwaċi preżenti f’Ħal Għaxaq. Bla dubju, kull meta ġie fostna Gigi D’Alessio dejjem offra spettaklu ta’ kunċerti indimentikabbli u l-istess se jerġa’ jkun dan il-kunċert.

Magħruf għal diversi kanzunetti meħuda minn 20 studio album, fosthom  ‘Non Dirgli Mai’ li kien ipparteċipa biha fil-festival ta’ Sanremo fl-2000 fil-bidu tal-karriera tiegħu, ‘Mon Amor’ li min jaf kemm inżifnet fil-clubs fl-2001, ‘Napule’ u ‘Non mollare mai’, jibqgħu kollha indimentikabbli fil-karriera wiesgħa u kkulurita ta’ Gigi D’Alessio.

Ivan Grech mal-band tiegħu jiftaħ is-serata, b’DJ Ziggy ikompli jqajjem is-serata tal-festival. 

Summerlust 2025 jitkompla l-Ġimgħa 16 ta’ Mejju, bl-għeluq tal-festival f’lejla ddedikata għall-mużika tas-snin disgħin bil-parteċipazzjoni internazzjonali ta’ Alice DJ, ICE MC u Ema Hewitt. Din is-serata se tkun b’xejn, iżda se jkun hemm ukoll VIP area għal dawk li jixtru l-biljetti minn showshappening.com.

Summerlust għandu dimensjoni soċjali bil-għan li jinġabru fondi għal Dar Bjorn li fl-edizzjonijiet  preċedenti nġabru aktar minn €70,000. Summerlust qed jitwassal bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti, Festivals Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.

Aktar dettalji jinsabu fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Summerlust Music Festival, li tiġi aġġornata kuljum.