Lokali

Studenti jikkritikaw b’saħħa lill-Ministru tal-Edukazzjoni

Waqt dibattitu mmexxi mill-preżentatur Jon Mallia, diversi studenti mill-Università ta’ Malta ħarġu jikkritikaw b’saħħa lill-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima dwar l-istat tas-sistema edukattiva.
Bil-mistoqsijiet tagħhom iqajmu tħassib serju dwar kurrikulu skadut, ippjanar strateġiku mhux ċar, u l-ispazju limitat għall-parteċipazzjoni ġenwina taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika.

F’waħda mill-votazzjonijiet li saret bejn l-istudenti fis-sala Sir Temi Zammit, Jon Mallia staqsa jekk huma hux inkwetati li jistgħu jiġu mċaħħda minn opportunnitajiet jekk jesprimu kritika pubblika lejn xi politiku – fejn 73% tal-istudenti vvotaw iva. Bil-Ministru Clifton Grima jisħaq li dan u numru li jinkwetah.

Waqt ix-xandira ta’ din l-edizzjoni ta’ “Il-Każin” kien hemm panel varju li kien jinkludi edukaturi, studenti, u l-Ministru Grima nnifsu. Studenti universitarji ħatfu l-opportunità biex jistaqsu direttament lill-Ministru dwar ir-rilevanza tal-kurrikulu attwali, filwaqt li argumentaw li dan jonqos milli jipprepara liż-żgħażagħ għar-realtajiet tad-dinja tal-lum. Huma saħqu kif il-kurrikulu huwa mwaħħal f’qafas postkolonjali li ma jirriflettix il-ħtiġijiet ta’ soċjetà moderna u demokratika, filwaqt li sfidaw lill-Ministru biex jiċċara l-viżjoni fit-tul tal-gvern għall-edukazzjoni,

Il-Ministru Grima wieġeb billi semma’ riformi riċenti u investiment fl-infrastruttura tal-edukazzjoni iżda ma tax dettalji ta’ pjan nazzjonali komprensiv li jħares ‘il quddiem. It-tweġibiet tiegħu ħallew diversi studenti mhux sodisfatti, u qanqlu aktar mistoqsijiet dwar jekk il-gvern hux verament jisma’ liż-żgħażagħ.

Mument kruċjali wasal meta għalliem tas-sekondarja tkellem mhux biss dwar il-politika edukattiva iżda wkoll dwar l-ostakli burokratiċi li jiffaċċjaw l-edukaturi li jixtiequ jitkellmu pubblikament.

“Biex niġi hawn illejla, kelli nikseb permess mingħand il-prinċipal tiegħi, id-direttur, u oħrajn ogħla,” saħaq l-għalliem. Hu irrefera għal ċirkolari maħruġa mill-Ministeru tal-Edukazzjoni li titlob lill-għalliema jissottomettu talbiet formali qabel ma jidħlu f’dibattitu pubbliku. Din id-direttiva ġiet ikkritikata ħafna bħala forma ta’ ċensura istituzzjonali speċjalment mill-Ombudsman li kkundanat din iċ-ċirkolari din l-ġimgħa stess.