Lokali

AĠĠORNATA: Il-kelb li attakka raġel jinqatel mill-Pulizija ftit toroq ‘il fuq minn fejn seħħ l-attakk

Illum, ftit wara l-10 am, kelb inqatel mill-Pulizija wara li dan attakka lil sidu meta dan ipprova jferraq iż-żewġt iklieb tiegħu.

L-inċident seħħ fi Triq il-Frejgatina, San Pawl il-Baħar bir-raġel iweġġa’ gravi wara li mar biex iferraqhom wara li għamlu għal xulxin.

Wieħed minn dawn il-klieb, wara li attakka lil sidu, ħarab minn fuq il-post. Minħabba li dan il-kelb kien meqjus perikoluż ħafna fil-konfront ta’ persuni oħra, intalbet l-assistenza tal-Pulizija, u minħabba l-immedjatezza tas-sitwazzjoni, il-Pulizija sparat fuqu.

Fil-post issejjaħ tim mediku sabiex ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-ġrieħi li ġarrab.

Intalbet ukoll l-assistenza tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.