Futbol Sport

ANALIŻI U STATISTIKA | It-tielet post fl-Ewropa għal klabb Malti se jkun deċiż bid-derby l-antik fil-futbol lokali

L-aħħar dwell riċenti bejn Sliema Wanderers u Floriana fil-Malta Premier
L-aħħar dwell riċenti bejn Sliema Wanderers u Floriana fil-Malta Premier

Wara staġun pożittiv fil-Malta Premier, fejn fil-klassifika ġenerali, li tiġbor it-32 partita kollha li jkunu lagħbu it-timijiet, Floriana u Sliema Wanderes huma ż-żewġ timijiet li akkumulaw l-akbar ammont ta’ punti minn fost it-12-il tim ta’ dan il-kampjonat.

Floriana u Sliema Wanderers rebħu ż-żewġ fażijiet rispettivi ta’ dan il-kampjonat, l-Opening u l-Closing Round rispettivament, madankollu kienu fuq in-naħa telliefa, anke jekk forsi b’element ta’ sfortunata, fiż-żewġ semifinali rispettivi tal-Final Four tal-Malta Premier.

Issa, dawn iż-żewġ timijiet rivali ta’ kull żmien fl-istorja tal-futbol Malti, se jkunu qed jaffrontaw lil xulxin, fil-battalja għat-tielet post tal-klassifika li tfisser l-aħħar post mirbuħ fl-Ewropa għal tim Malti permezz tal-Malta Premier, bir-raba’ u l-aħħar post għal klabb Malti fl-Ewropa, jintrebaħ, kif jiġri dejjem, permezz tal-Meridianbet FA Trophy.

Il-permutazzjonijiet ta’ Sliema Wanderers u Floriana biex jiksbu post fl-Ewropa fl-aħħar ta’ dan l-istaġun

Għalissa ejjew inwarbu l-ipoteżi Ewropa permezz tat-tieni l-akbar kompetizzjoni fil-futbol Malti, l-FA Trophy. Dik ta’ għada, il-play-off diretta bejn Sliema Wanderers u Floriana, hija meqjusa bħala logħba importanti, kważi daqskemm kienet tkun il-finali għar-rebħ tal-Malta Premier, kieku dawn għaddew għall-finali ta’ nhar is-Sibt, peress li r-rebħ ta’ post fl-Ewropa, iġib miegħu premju finanzjarju importanti u bil-wisq bżonjuż għal klabb Malti, li bħal Floriana u Sliema Wanderers tħabtu u investew mhux ftit matul dan l-istaġun biex jirnexxilhom jilħqu l-ogħla objettivi possibbli permezz tal-Malta Premier.

Għaldaqstant ir-riskju li xi ħadd minnhom ma jagħmilix finalment għal post fl-Ewropa, tkun tfisser mhux biss diżappunt u falliment kbir, iżda bil-mod ta’ kif żvolġa dan l-istaġun, inġustizzja ukoll. Però, kif dejjem għedna f’dawn l-aħħar ġimgħat kull darba li tkellimna dwar dan il-punt, ta’ ġustizzja jew le, ir-regolamenti għall-format tal-Malta Premier minn dan l-istaġun, kienu ċari u maqbula mill-maġġoranza sa minn qabel, għaldaqstant kollox mexa skont ir-regolamenti. Jekk wieħed jaqbilx magħhom jew le, dak hu argument ieħor.

Sliema Wanderers FC

Bħala stat ta’ fatt, il-partita ta’ għada bejn Sliema Wanderers u Floriana, għalkemm tibqa’ bil-wisq importanti, għal Sliema Wanderers għandha importanza ikbar minħabba l-fatt li huma sfaw eliminati mill-Meridianbet FA Trophy ta’ dan l-isaġun. Madankollu f’każ li Sliema Wanderers jitilfu kontra Floriana f’din id-decider, ma jfissirx li ċ-ċansijiet tal-blues li jiksbu post fl-Ewropa huma kompletament mitlufa. F’dak il-każ, sakemm ir-rebbieħa tal-FA Trophy għal dan l-istaġun, ma jkunux Hibernians, allura l-Wanderers ikunu huma li jiksbu r-raba’ u l-aħħar post għal klabb Malti fl-Ewropa. Dan għaliex jekk qed nimxu bl-ipoteżi li Hibernians ma jirbħux l-FA Trophy, allura r-rebbieħ ta’ din il-kompetizzjoni se jkun wieħed mit-tliet timijiet l-oħra li se jkunu diġà aċċertaw minn post għal kompetizzjoni tal-UEFA għall-istaġun li ġej, permezz tal-Malta Premier. B’hekk f’dak il-każ l-għażla tar-raba’ tim Malti, taqa’ fuq it-tim li jkun tilef il-play-off għat-tielet u r-raba’ post tal-Malta Premier.

F’każ li jkunu Floriana li jitilfu l-play-off ta’ għada, kontra Sliema Wanderers, il-greens ikun għad baqgħalhom ċans ieħor li jirbħu post Ewropew permezz tar-rebħ tal-FA Trophy. Jekk Floriana jonqsu milli jaslu għal dan it-tragward, l-istess bħal fl-każ imsemmi u spjegat għal Sliema Wanderers, hu imperattiv għal Floriana li l-Meridianbet FA Trophy għal dan l-istaġun ma tintrebaħx minn Hibernians, għaliex dan hu l-uniku mod li għad baqgħalhom il-Pawlisti, biex jiksbu post fil-UEFA Ewropa Conference League tal-istaġun li ġej.

Fil-veritá, meta wieħed jara u janaliżża l-possibiltajiet kollha eżistenti f’dan ix-xenarju, l-itqal triq taf titqis li hi dik ta’ Hibernians, però r-risposta għal din l-eventwalitá se nkunu nafuha fil-jiem li ġejjin, meta wara li jintrebaħ il-Malta Premier, minn nhar l-Erbgħa li ġej, u f’temp ta’ erbat ijiem, jintlagħbu iż-żewġ semifinali u l-finali tal-Meridianbet FA Trophy.

Dan l-istaġun, Floriana diġa’ rebħu tnejn mil-erba’ konfronti diretti kontra Sliema Wanderers

ll-konfront ta’ għada, bejn Sliema Wanderers u Floriana, se jkun il-ħames darba dan l-istaġun li dawn it-tnejn se jiltaqgħu kontra xulxin fil-Malta Premier.

Il-greens rebħu tnejn mill-erba’ partiti preċidenti li ntlagħbu dan l-istaġun, b’konfront minnhom intemm fi draw ta’ mingħajr gowls, u l-aħħar darba li dawn it-tnejn lagħbu kontra xulxin, ftit aktar minn xahar ilu, fil-fażi tat-Top Six tal-Closing Round, Sliema Wanderers kisbu l-uniku rebħa tagħhom dan l-istaġun kontra Floriana, b’riżulat ta’ 2-0.

Dakinhar, fis-6 ta’ April li għadda, Sliema Wanderers skorjaw iż-żewġ gowls li wassluhom għar-rebħa, f’temp ta’ sitt minuti fit-tieni taqsima, permezz tas-Somalu Mohammed Awad u s-Sloven Vito Plut.

Ftit numri u statistika li jqabblu liż-żewġ timijiet rispettivi qabel din il-logħba bejn Sliema Wanderers u Floriana, ibbażati fuq il-partiti li t-tnejn li huma lagħbu speċifikament matul it-tieni parti tal-Closing Round, iġifieri t-Top Six.

Floriana FC

Ir-rebbieħa tal-Closing Round, Sliema Wanderers, taħt it-tmexxija ta’ Paul Zammit, temmew l-ewwel, bl-istess ammont ta’ punti daqs Ħamrun Spartans, iżda xorta huma kienu r-rebbieħa ta’ din il-fażi sforz ir-regola tal-konfront dirett, b’żewġ punti vantaġġ fuq Floriana.

Apparti ż-żewġ punti differenza, differenza oħra minima li toħroġ mill-aħħar ħames partiti li lagħbu ż-żewġ timijiet fil-Closing Round (il-partita mis-semi-finali tal-Final Four eskluża), hija t-tliet gowls aktar li l-blues skorjaw minn Floriana. Fid-difiża, t-tnejn li huma soffrew l-istess ammont ta’ gowls identiku f’ħames partiti tat-Top Six; erba’ gowls kull wieħed.

Il-metrika tal-expected gowls skorjati, ibbażata fuq dawn l-aħħar ħames partiti, tpoġġi lit-tnejn f’bilanċ, b’Sliema Wanderers jirreġistraw numru ta’ 7.1 u Floriana ta’ 7.0.

Il-metrika tal-expected gowls maqglugħa, Floriana jimmarkaw numru għola minn dak tal-avversarji, Sliema Wanderers. 4.7 minn Floriana kontra l-4.1 mis-Slimiżi.

Kurżitajiet qabel il-konfront deċiżiv ta’ għada bejn Sliema Wanderers u Floriana

Aktar kurżitajiat, li iżda huma esklussivament ibbażati fuq il-forma taż-żewġ timijiet fuq il-logħob tagħhom fit-Top Six tal-Closing Round.

Għalkemm Sliema Wanderers skorjaw aktar gowls minn Floriana, ebda mill-gowls Slimiżi, ma waslu fl-aħħar kwarta tal-partita. Fil-każ ta’ Floriana huma skorjaw tnejn mis-sitt gowls fl-aħħar kwarta tal-logħba.

Jekk nitfgħu lenti fuq l-erba’ gowls li ż-żewġ timijiet ikkonċedew fil-fażi tat-Top Six tal-Closing Round, Sliema Wanderers soffrew dejjem dawn il-gowls fit-tieni taqsima, filwaqt li Floriana soffrew gowl wieħed fl-ewwel 45 minuta u tlieta fit-tieni taqsima.

L-erba’ gowls li soffrew is-Slimiżi, kienu maqgħluha tnejn fl-ewwel kwarta tat-tieni taqsima, u t-tnejn l-oħra fl-aħħar kwarta tal-partita.

Il-maġġoranza relattiva ta’ gowls li soffrew Floriana fit-Top Six tal-Closing Round, total ta’ żewġ gowls, kienu skorjati mill-avversarji fit-tieni kwarta tat-tieni taqsima, iġifieri bejn il-61 minuta u l-75 minuta. Huma ma soffrew ebda gowl fl-aħħar kwarta tal-partita.

Fl-aħħar parititi, stajna nosservaw lil Sliema Wanderers jilgħabu aktar b’sistema tattika ta’ 5-3-2, bl-akbar ammont ta’ attakki jinħadmu mis-Slimiżi minn fuq il-faxxa tal-lemin.

Mit-timijiet li kelna jilgħabu fit-Top Six tal-Closing Round, Floriana kienu l-aktar u kważi l-uniċi li addottaw sistema b’modulu tattiku ta’ 3-4-1-2, bl-iskwadra taħt it-tmexxija ta’ Darren Abdilla kienet qed toppera l-aktar fil-fażi offensiva b’inserimenti minn fuq ix-xellug.

Bħala medja f’kull partita tat-Top Six tal-Closing Round, Floriana ġawdew aktar minn perċentwal ta’ pussess tal-ballun f’saqajhom; persentaġġ ta’ daqs medju ta’ 53.1%, filwaqt li Sliema Wanderers kellhom bħala norma inqas pussess mill-avversarji tagħhom, b’medja ta’ 48.3%.

Wieħed jistaqsi, allura fejn jeżisti xi forma ta’ dominju ta’ tim fuq l-ieħor minn dawn it-tnejn, skont l-istatistika miġbura mill-ħames partiti tat-Top Six?

Floriana kienu bil-wisq aħjar minn Sliema Wanderers fl-ammont ta’ passaġġi fl-aħħar terz tal-pitch, iżda mhux biss. Huma jirreġistraw perċentwal medju ta’ passaġġi b’suċċess li hu għola minn tas-Slimiżi.

Il-plejers taħt it-tmexxija ta’ Paul Zammit, kellhom l-inqas ammont, bħala perċentwal, ta’ sitwazzjonijiet ta’ dwelli fl-arja. Floriana b’medja ta’ ftit akar minn 37% u Sliema Wanderers b’medja ta’ ftit anqas minn 25%.

Madankollu mill-ftit sitwazzjonijiet li huma kellhom, Sliema Wanderers, kienu kapaċi jimmarkaw persentaġġ għola minn dak ta’ Floriana, ta’ dwelli fl-arja li rriżultaw f’suċċess u allura, dwelli li kienu mirbuħa għall-ispejjez tal-avversarju tagħhom.

B’konfront li mistenni jara dwell dirett fl-attakk bejn tnejn mill-aqwa skorers tal-Malta Premier dan l-istaġun, fuq naħa Vito Plut ta’ Sliema Wanderers u fuq in-naħa l-oħra, Franklin Sassere ta’ Floriana, wieħed irid ikun prużuntuż iżżejjed jekk jipprova ibassar ir-riżultat jew l-eżitu minn din il-logħba.

Nawgura li t-tnejn li huma, kemm Sliema Wanderers kif u koll Floriana, ikunu fl-aqwa tagħhom, biex it-tnejn joffru l-akbar spettaklu u eċitament minn partita li għandha valur għoli fit-tmiem ta’ dan l-istaġun.