Fi Pjazza San Pietru, hemm stennija għat-tieni daħna tal-ġurnata miċ-ċumnija tas-Sistina. Dan hekk kif waranofsinhar issokta l-konklavi tal-kardinali.
Fost id-diversi pellegrini li hemm miġbura bħalissa fil-Vatikan, hemm ammont sabiħ ta’ Maltin, hekk kif fi tmiem il-ġimgħa għandu jitfakkar il-Ġublew tal-Baned – u allura, ħafna bandisti minn pajjiżna kienu diġà ppjanaw il-vjaġġ tagħhom minn xhur ilu lejn il-Vatikan.
Fi Pjazza San Pietru dehru ukoll diversi bnadar Maltin, fost in-nazzjonalitajiet varji li jinsabu rappreżentati.

Intant, l-Erbgħa filgħaxija, kienu kważi daqqu d-9pm meta ħarġet l-ewwel daħna sewda – is-sinjal li wera li l-kardinali kienu għadhom ma laħqux qbil dwar min għandu jkun fit-tmexxija tal-Knisja Kattolika.
Il-laqgħa kienet bdiet għall-ħabta tas-6pm, u kien mistenni li wara siegħa tfeġġ l-ewwel daħna. Iżda kellhom jgħaddu tliet sigħat qabel wasal dan is-sinjal – segwit mill-eluf miġbura fi Pjazza San Pietru, u miljuni madwar id-dinja kollha li qed isegwu dak li għaddej fil-Vatikan.
B’kollox huma 133 il-kardinali miġbura għal dan il-konklavi li jrid jeleġġi s-suċċessur tal-Papa Franġisku. Għal 108 minn dawn il-kardinali… fosthom għal Mario Grech… dan huwa l-ewwel konklavi.
Bħalissa, il-bookmakers qed ipoġġu lill-Filippin Tagle bħala l-favorit. Għalkemm fil-verità, dan ma jfisser xejn. Bil-konklavi jibqa’ litteralment kaxxa magħluqa.
Dan il-proċess ingħata bidu wara l-mewt tal-Papa Franġisku. U ħafna fil-Vatikan huma tal-fehma li l-Papa l-ġdid għandu joffri kontinwazzjoni fuq it-tmexxija ta’ Bergolgio… u l-marka li ħalla fl-aħħar snin.
//= $special ?>