Lokali

Ftehim bejn il-Knisja u l-Istat sabiex Fondazzjoni Sebħ tkompli tgħin nisa u tfal li għaddew minn abbuż


L-entità tal-Knisja Fondazzjoni Sebħ iffirmat ftehim mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, sabiex tkompli tmexxi x-xelter ‘Il-Milja’, li jilqa’ 12-il mara bit-tfal tagħhom li jkunu għaddew minn abbuż jew vjolenza, fosthom vittmi ta’ vjolenza domestika, prostituzzjoni sfurzata kif ukoll abort sfurzat.

Dan il-ftehim jassigura għajnuna finanzjarja ta’ €1.5 miljun mill-Gvern fuq medda ta’ tliet snin sabiex Fondazzjoni Sebħ tkompli tmexxi dan ix-xelter tat-tieni stadju, l-ewwel xelter ta’ din ix-xorti offrut mill-Knisja. Is-sena li għaddiet, 55 persuna (24 mara u 31 tfal) rċevew l-għajnuna tal-Knisja u għexu f’Il-Milja sakemm jerġgħu jiksbu l-indipendenza tagħhom u jibdew jgħixu ħajja ’l bogħod mill-abbuż u l-vjolenza.


Fondazzjoni Sebħ qed tbassar li matul is-sena li ġejja se jkollha bżonn madwar €55,500 sabiex tgħin lil kull familja li tgħix fix-xelter. Dawn l-ispejjeż ikopru għajnuna materjali fejn meħtieġ, terapija, manutenzjoni tal-binja, u taħriġ u pagi tal-persuni li jieħdu ħsieb il-familji 24 siegħa kuljum.

Id-Direttur ta’ Sebħ, Yvonne Mallia, qalet li b’dan il-ftehim Fondazzjoni Sebħ se tkun tista’ tkompli tgħin nisa u tfal fl-aktar mument vulnerabbli tagħhom. Spjegat li kull familja tgħix f’appartament b’mod indipendenti għal 18-il xahar u tim professjonali jgħin lill-familji jirkupraw mit-trawma li għaddew minnha.

Hi rringrazzjat lill-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal għal dan il-finanzjament li jagħmilha possibbli sabiex il-Knisja tkompli toffri dan is-servizz mingħajr ħlas li hu tant bżonjuż fis-soċjetà
llum.

Il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Mons. Martin Micallef, f’isem il-Knisja f’Malta, qal li f’din is-sena, meta l-Knisja Universali qed tiċċelebra l-Ġublew tat-Tama, is-servizzi li toffri Il-Milja hu mod konkret ta’ kif il-Knisja f’Malta tista’ tkompli twettaq l-impenn tagħha biex tnissel it-tama f’dawk il-persuna li jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabilità fis-soċjetà.